Lokali

Ħafna jistaqsu lil Abela u lil Fearne “għaliex waħdek u trid tilbes il-maskra”

Id-deċiżjoni tal-Gvern li minn għada kulħadd irid jilbes maskra meta jkun f’post pubbliku ġabet diversi reazzjonijiet, partikolarment minn min ma jistax jifhem għaliex għandu jilbes il-maskra anke jekk ikun miexi waħdu f’ambjent miftuħ.

Fil-fatt, fuq Facebook, ħafna kkummentaw f’dan is-sens anke fuq il-paġna tal-Prim Ministru nnifsu, fosthom dawk li qed jistaqsu jekk id-doża tal-booster hix qed tittieħed għalxejn, ladarba – anke min ħadha – xorta jrid jilbes il-maskra meta jkun fil-miftuħ.

Fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew, kemm Robert Abela kif ukoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qalu li, grazzi għall-mod kif qed isir it-tilqim, is-sistema immunitarja tal-Maltin u l-Għawdxin issaħħet sew, tant li r-restrizzjonijiet ittaffew. Iżda issa, għal ħafna, id-deċiżjoni tal-ilbies tal-maskra fl-apert ma hi xejn ħlief u-turn, filwaqt li għal oħrajn, b’din id-deċiżjoni hemm min ħa jispiċċa jimrad mentalment.

Persuna partikolari kiteb lil Abela li milli qed jifhem hu, il-proċess tat-tilqim kien falliment u l-flus setgħu jintużaw għal proġetti oħrajn jew biex jiżdiedu l-pagi tal-professjonisti mediċi.

Kummenti ta’ diżappunt ukoll max-xandira fil-paġna ta’ Chris Fearne, fosthom min qal li d-deċiżjoni li tilbes maskra, anke jekk tkun miexi waħdek, hi bla sens. Kompla li dan hu biss pjan biex ikunu kkontrollati n-nies u li l-poplu qed jiddejjaq għax issa ċerti restrizzjonijiet huma “too much”.

Ieħor uża’ emoji biex juri li għalih, din id-deċiżjoni hi buffunata, filwaqt li ieħor qal li l-Gvern qed jinsulta l-intelliġenza tal-poplu u sarkastikament staqsa jekk dan hux ir-ringrazzjament lill-poplu ta’ kemm ikkollabora.

Persuna oħra li kkummentat lill-Ministru tas-Saħħa qaltlu li d-diska tax-xjenza tiegħu mhi xejn ħlief id-diska li kienet tintuża’ fix-xandiriet tal-komiku Ingliż Benny Hill, filwaqt li oħrajn innutaw kif anke l-Prim Ministru nnifsu qed jattendi attivitajiet fejn ikun hemm il-massa u mingħajr ma jkun liebes maskra, kif ukoll li qed isiru l-parties.

Fuq kollox, kien hemm min saqsa sarkastikament jekk il-virus, allura, jitteħidx mill-arja.