Lokali

Il-ħabs Malti b’nefqa żejda ta’ €2.3 miljun

Il-Ħabs ta’ Kordin jerġa’ jispiċċa fuq l-aħbarijiet, hekk kif qed ikun irrappurtat li l-Faċilità ta’ Kordin kellha tħallas €2.3 miljun żejda lil kuntrattur għal xiri ta’ body scanners u CCTV cameras li kienu installati fil-Ħabs.

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali qal li skont id-dokumenti miġbura, jidher li l-Ħabs ħallas total ta’ €4.5 miljun lil kuntrattur speċifiku, meta fil-fatt, l-arranġament oriġinali kien għal spiża ta’ €2.1 miljun ewro – €2.3 miljun anqas mill-ammont totali li tħallas.

Jidher li dan il-kuntratt kien iffirmat mill-Kurunell awto-sospiż Alex Dalli wara li kien hu stess li ħa d-deċiżjoni lil min dan kellu jingħata. L-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali kompla li jidher li wara diversi evalwazzjonijiet, instab li f’dan il-kuntratt kien hemm imniżżel ukoll li, minbarra x-xiri ta’ CCTV cameras, conveyor belts u full-body scanning machines, il-prezz kien jinkludi wkoll manutenzjoni tal-apparat.

Madankollu, jidher li t-tmexxija tal-Ħabs ma żammitx rendikont ta’ kemm il-manutenzjoni saret u kemm damet. Dan minkejja li t-tmexxija tal-Faċilità kienet qed tħallas, minn but il-poplu, madwar €158 fis-siegħa għall-manutenzjoni ta’ ekwipaġġ li nxtara għal madwar €2.1 miljun.

Meta t-tmexxija tal-Ħabs kienu mistoqsija dwar dan it-tberbieq ta’ flus il-poplu, l-Uffiċjali tal-Faċilità stqarrew li dan l-infieq ma kienx ippjanat u ġġustifikaw dan it-tip ta’ nfieq f’xiri ta’ ekwipaġġ addizjonali, ħlas għall-installazjoni, ħlas żejjed biex jingħaddu l-wires għall-ekwipaġġ u regoli tas-saħħa u s-sigurtà.

Tags