Għawdex Lokali

Il-PN irid u se jindirizza l-karba tas-settur tal-persuni b’diżabbiltà f’Għawdex

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem għall-qasam tal-Persuni b’Diżabbiltà David Agius u d-Deputat u Kelliem għall-Għaqdiet Volontarji Kevin Cutajar attendew konferenza f’Ghawdex, bit-tema “Vuċi Aktar b’Saħħitha għas-Settur tad-Diżabbiltà f’Għawdex”. Il-konferenza kienet organizzata mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà.

Waqt il-konferenza tkellmu diversi ġenituri u attivisti mill-qasam tal-persuni b’diżabbiltà f’Għawdex u rappreżentanti ta’ għaqdiet mill-istess qasam. Dawn esprimew il-frustrazzjoni tagħhom għall-fatt li ilhom ħafna jitkellmu fuq diversi problemi li qed ixekklu lill-persuni b’diżabbiltà f’Għawdex u li minkejja li gerrbu s-snin, baqgħu ma ssolvewx.

Il-problemi li l-aktar spikkaw kienu n-nuqqas ta’ servizzi tas-saħħa, l-aċċessibbiltà tal-bankini, l-attitudni negattiva lejn il-persuni b’diżabbiltà u n-nuqqas ta’ servizzi ta’ terapija u taħriġ. Huma saħqu li hu tajjeb li l-qasam tal-persuni b’diżabbiltà f’Għawdex jingħata vuċi b’saħħitha, iżda fuq kollox hu importanti li jkun hemm min qed jisma’ dik il-vuċi u jaġixxi. Kien hemm saħansitra min stqarr li Għawdex hu minsi f’dan il-qasam.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li David Agius u Kevin Cutajar semgħu u fehmu l-karba tal-Għawdxin, filwaqt li tennew l-impenn ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista favur il-qasam tal-persuni b’diżabbiltà f’Għawdex ukoll. Il-Partit Nazzjonalista hu kommess li ladarba jkun fil-Gvern, jagħmel investiment bla preċedent, ferm akbar minn tal-lum, biex jagħti lill-persuni b’diżabbiltà r-riedni ta’ ħajjitom verament f’idejhom.

Dan l-investiment se jkun immirat biex jifrex aktar l-aċċessibiltà u s-servizzi u biex jara li dawn il-persuni jkollhom il-mezzi neċessarji ħalli jgħixu ħajja indipendenti, kulħadd skont l-abbiltajiet tiegħu.