Lokali

It-tħassib ikompli jikber fost min iħaddem

“Inħossu li se jkun hemm concerns għall-employers – il-fatt li tkun iktar aċċessibli … nibzgħu li jista’ jkun ikollna izjed diffikultajiet u jkun iżjed diffiċli biex wieħed ma jittollerahiex fuq il-post tax-xogħol” – Dan kien it-tħassib li ta’ Marisa Xuereb, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, fid-dawl tal-liġi dwar il-kannabis li ġiet preżentata mill-Gvern Laburista fil-Parlament.

Il-Kamra tal-Kummerċ hija fost it-53 organizzazzjoni u individwi li permezz ta’ petizzjoni li ġiet iffirmata fil-jiem li għaddew qed jinsistu għal tibdil f’dak li qed jipproponi Robert Abela. Fost dawn, hemm ukoll il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca.

Meta tkellmet ma’ Net News, Marisa Xuereb saħqet li l-għaqdiet u l-individwi li ppreżentaw din il-petizzjoni ilhom snin twal jaħdmu fuq il-qasam tad-dipendenza tad-droga u għalhekk huwa diffċli li tiddaħħal liġi bħal din mingħajr ebda konsultazzjoni.

“Fil-petizzjoni huma semmew affarijiet li aħna bħala Kamra tal-Kummerċ konna elenkajna fid-dokument fil-proċess ta’ konsultazzjoni fosthom l-importanza li nirregolaw il-livell ta’ THC, nipproteġu kemm jista’ jkun il-minuri għax hemm l-aktar riskju li tiżviluppa dipendenża u fuq kollox kampanja edukattiva li tenfazizza l-element ta’ riskju iktar milli tipprova tinnormalizza.”