Il-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler sab lill-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana ħatja li kisret il-kodiċi tal-etika.
Dan meta tat kuntratt ta’ 5,000 ewro fix-xahar għal tliet xhur lis-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovic.
Il-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler għadda kopja ta’ dan ir-rapport lill-Ispeaker Anġlu Farrugia. Meta rapport tal-Kummissarju tal-Istandards ma jkunx ippubblikat iżda jgħaddi mal-ewwel għand l-Ispeaker tal-Kamra jfisser li jkun hemm ksur primae facia tal-kodiċi tal-etika. Issa l-Ispeaker irid jiddeċiedi jekk dan ir-rapport jiġix ippubblikat jew le.
Daniel Bogdanovic kien tħallas €15,000 għal kuntratt ta’ tliet xhur … kuntratt li kien jobbligah iżur l-Iskejjel tal-Istat u jfassal rakkomandazzjonijiet biex jittejjeb l-isport f’dawn l-iskejjel.
Il-kuntratt ġie żvelat f’Marzu li għadda, bil-Prim Ministru Robert Abela saħaq li kien waqqa’ l-kuntratt kontroversajli minnufih. Madanakollu, jidher li Bogdanovic xorta waħda daħħal l-ammont sħiħ f’butu.
Wara li dan il-kuntratt sar magħruf, Bogdanovic kompla jaħdem fi ħdan il-Ministeru, b’sorsi jisħqu li saħansitra kienu jarawh ma’ Justyne Caruana fil-binja tal-Ministeru, kif ukoll kienu jakkumpanjaw lil xulxin f’xi żjarat fl-Iskejjel.
Apparti Justyne Caruana, il-Kummissarrju tal-Istandards kien ikkundanna wkoll l-aġir tal-Ministru Carmelo Abela kif ukoll tad-Deputat Laburista Rosianne Cutajar.
Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista jappella biex ir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards jiġi ppubblikat immedjatament. Jekk tinstab li kisret l-etika, Justyne Caruana għandha minnufih tirriżenja jew tiġi mġiegħla tirriżenja minn Robert Abela, li ttollera nuqqasijiet fl-istandards għal żmien twil wisq.
Bħala Ministru tal-Edukazzjoni, Caruana għandha tkun qed tmexxi bl-eżempju u ma tagħtix kuntratti ta’ €5,000 fix-xahar lil sieħeb tagħha.