Lokali

Raġel bi ġrieħi gravi wara li waqa’ minn fuq sellum

Raġel ta’ 58 sena sofra ġrieħi gravi wara li waqa’ minn fuq sellum. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ dalgħodu fi Triq Fra Ġużeppe, Pembroke.

Mill-investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li raġel, residenti Pembroke, waqa’ madwar sular waqt li kien qiegħed fuq sellum.

Fuq il-post issejjħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll tim mediku u ambulanza li ħaditu l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.