L-investigazzjoni dwar il-festini u parties ‘klandestini’ li kienu organizzati mill-istaff tal-Gvern Britanniku matul il-Milied li għadda kapaċi tikber f’każ li jfeġġu aktar allegazzjonijiet kredibbli dwar ‘avvenimenti oħrajn’– u każi fejn inkisru r-regoli ts-sigurtà fi żmenijiet ta’ lockdown għall-pajjiż kollu.
L-indikazzjonijiet huma li Jack Doyle (ritratt), dak iż-żmien il-viċi-direttur għall-komunikazzjonijiet mal-Prim Ministru Boris Johnson, kien indirizza lill-membri tal-istaff waqt li qassam premjijiet lin-nies preżenti waqt party tal-Milied li sar sena ilu (f’Diċembru) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’10 Downing Street (f’Londra).
Jack Doyle – li kien għamel diskors lil xi 20 jew 30 ruħ preżenti għall-avveniment tat-18 ta’ Diċembru (2020) – issa jinsab taħt investigazzjoni; fost rapporti li ‘kienu tqassmu l-ikel u x-xorb waqt l-avveniment partikulari’. Dan waqt li l-poplu Britanniku kien marbut bil-liġijiet stretti tal-Covid fost il-projbizzjoni ġenerali għall-attivitajiet tal-massa.
L-avveniment tat-18 ta’ Diċembru hu fost tliet attivitajiet għall-istaff tal-Gvern li jmorru lura għall-aħħar tal-2020 u li qed ikunu investigati minn Simon Case, l-uffiċjal ċivili ewlieni tar-Renju Unit.
L-attivitajiet allegati l-oħra ssemmew bħala festin, fis-27 ta’ Novembru (2020) għall-istaff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u laqgħa/festin li kien sar fld-Dipartiment tal-Edukazzjoni fl-10 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra.
Sadanittant, Boris Johnson għadu jiffaċċja kritika kbira dwar l-organizzazzjoni tal-avvenimenti socjali partikulari u fejn spikkaw anki sejħiet għar-riżenja tiegħu minn Prim Ministru.
//= $special ?>