Lokali

Storja tal-awtur Malti Anton Grasso se tkun inkluża fi ktieb internazzjonali

Storja tal-awtur stabbilit Malti Anton Grasso se tkun inkluża fit-tieni volum ta’ ktieb internazzjonali ta’ prestiġju bl-isem ‘The Valancourt Book of World Horror Stories – Volume Two’.

Dan il-ktieb, editjat minn James D. Jenkins u Ryan Cagle, se jkun qed jiġbor fih għażla fost l-aħjar stejjer tal-biża’ minn numru kbir ta’ awturi madwar id-dinja u maqluba għall-Ingliż.

Dan it-tieni volum, wara s-suċċess kbir tal-ewwel wieħed is-sena li għaddiet, se jinkludi stejjer minn awturi mill-Arġentina, il-Brażil, il-Bulgarija, iċ-Ċina, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Greċja, Haiti, l-Iżlanda, l-Indja, Iżrael, il-Ġappun, in-Niġerja, il-Polonja, Puerto Rico, ir-Russja, il-Korea t’Isfel u l-Iżvizzera.

Malta se tkun inkluża permezz tal-aktar awtur famuż lokali għall-istejjer tal-biża’ Anton Grasso, bi traduzzjoni tal-istorja tiegħu ‘In-Nemla’, meħuda mill-ktieb tiegħu ‘Limbu’, pubblikat fl-2001. L-istorja kienet tradotta għall-Ingliż mill-Avukat Joseph Camilleri.

L-ewwel edizzjoni tal-ktieb ‘The Valancourt Book of World Horror Stories’ kienet suċċess kbir u kritiċi f’pubblikazzjonijiet internazzjonali ta’ prestiġju rreferew għaliha b’deskrizzjonijiet bħal ‘Groundbreaking’ (Publishers Weekly), ‘Stellar from top to bottom’ (Library Journal), ‘A veritable feast for horror lovers’ (British Fantasy Society).