Lokali

Ta’ Abela jdawru l-kanuni lejn l-għaqdiet

Ftit jiem qabel il-vot finali fil-Parlament dwar il-Liġi ghall-użu tal-Kannabis, hu evidenti li l-Gvern ta’ Robert Abela se jdawwar il-kanuni tiegħu fuq l-entitajiet u l-persuni li ffirmaw il-petizzjoni kontra l-mod kif il-Gvern ħejja din il-Liġi.

Dan ħareġ biċ-ċar minn dak li qal il-Ministru Owen Bonnici meta mistoqsi minn dan l-istazzjon dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ dawn l-għaqdiet li l-Gvern qed jaġixxi b’għaġla u mingħajr ma kkonsultahom.

Għax quddiem dan it-tħassib, il-Ministru li ressaq il-Liġi baqa’ jinsisti li saret diskussjoni pubblika – xi ħaġa li l-għaqdiet qed jibqgħu jtennu li mhix vera; kif kien ikkonferma l-Assistent Direttur tal-UĦM Voice of the Workers ma’ NET News.

Barra minhekk, il-Ministru Bonnici insinwa li dawn l-għaqdiet jiffurmaw parti mill-Knisja, u għalhekk ma jgħoddux bħala għaqdiet separati.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Familja Michael Falzon qal li din il-Liġi kienet parti mill-Programm Elettorali tal-aħħar elezzjoni.

Iżda anke hawn, il-Ministri ta’ Robert Abela qed jagħżlu li jqarrqu.

Għax fil-verità, fil-Programm Elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali tal-2017, il-kelma kannabis tidher – bl-Ingliż – mhux aktar minn erba’ darbiet. Madankollu, imkien ma tissemma’ l-Liġi l-ġdida li l-Gvern irid ifittex jgħaddi, iżda – f’paġna 159 – jgħid biss li jitnieda dibattitu nazzjonali dwar jekk u kif għandu jkun hemm passi ulterjuri, fosthom diskussjoni dwar kannabis għall-użu rikreattiv.

Barra minhekk, f’paġna 103, il-Programm Elettorali Laburista kien jgħid li kellhom ikunu evalwati metodi għal użu aktar faċilitat u li ma jinqabadx f’burokrazija żejda, imma l-ebda referenza għal xi Liġi ġdida bħal din.

Tags