Lokali Parlament

Talba formali biex il-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet jitlaqqa’ b’urġenza

Wara t-talba formali li l-Partit Nazzjonalista għamel it-Tlieta li għadda fil-Parlament, sar ukoll kuntatt mad-Deputat Laburista Joe Mizzi, li hu ċ-Chairperson tal-Kumitat Permanenti dwar il-Petizzjonijiet biex jitlaqqa’ b’urġenza l-Kumitat Permanenti dwar il-Petizzjonijiet u ssir diskussjoni dwar petizzjoni minn 53 għaqda u individwi dwar il-Liġi tal-Kannabis.

Fi stqarrija, iffirmata mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar, il-Partit Nazzjonalista qal li minħabba li baqa’ mingħajr risposta, kiteb formalment liċ-Chairman biex b’mod urġenti, u qabel jittieħed il-vot it-Tlieta li ġej, jitlaqqa’ dan il-Kumitat.

Fl-ittra, il-Partit Nazzjonalista fakkar li kull proċedura li teżisti fil-ħidma Parlamentari tista’ tinbidel jew tiġi modifikata bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.B’hekk, biex jitlaqqa’ dan il-Kumitat m’għandu jkun hemm l-ebda problema, ladarba l-Gvern jaqbel mal-Oppożizzjoni li din hi materja serja, urġenti u ta’ importanza nazzjonali.

Il-membri tal-Oppożizzjoni li jiffurmaw parti minn dan il-Kumitat huma disposti jiltaqgħu fi kwalunkwe ħin u ġurnata qabel il-vot ħalli din il-petizzjoni tkun diskussa u l-Gvern jieqaf jgħaddi romblu minn fuq kulħadd, temmet tgħid l-istqarrija.