Raġel ta’ 40 sena ngħata sentenza ta’ tmien snin priġunerija wara li wieġeb ħati għall-akkużi li stupra lil bint is-sieħba tiegħu u li, meta seħħew il-każi, kellha 14-il sena.
Ir-raġel kien akkużat bi stupru aggravat fuq minorenni, li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ minoreni u li kkorrompa minorenni li kienet taħt il-kura tiegħu meta aggrediha sesswalment bejn Ottubru 2015 u Awwissu 2017.
Il-każ wasal għand il-Pulizija wara li social worker impjegat mal-Aġenzija Appoġġ irrapporta mal-Iskwadra Kontra l-Vizzji wara li rċieva informazzjoni anonima li l-minorenni setgħet kienet vittma ta’ abbuż sesswali … informazzjoni li kienet ikkonfermata fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Mal-Pulizija, iż-żagħżugħa tkellmet fil-preżenza ta’ ommha, fejn identifikat lis-sieħeb ta’ ommha bħala l-persuna li abbużaha. Hi spjegatilhom ukoll li r-raġel abbuża minnha, bl-użu anke tal-forza, waqt li kienet tkun rieqda. Min-naħa tiegħu, ir-raġel mill-ewwel ammetta l-azzjonijiet tiegħu u qal li ddispjaċih għal dak li għamel.
Ix-xahar li għadda, id-Difiża u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ressqu Rikors konġunt, skont il-Kodiċi Kriminali, li fl-eventwalità ta’ ammissjoni ta’ ħtija, l-akkużat ikun ikkundannat tmien snin priġunerija.
Ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, il-Qorti nnotat li r-raġel ammetta qabel il-bidu tal-kawża, filwaqt li ħadet nota tar-Rikors konġunt. Għaldaqstant, il-Qorti kkundannat lir-raġel għal tmien snin priġunerija, filwaqt li ordnatu jħallas 575.60 ewro fi spejjeż tal-Qorti.
//= $special ?>