Lokali

Website li se sservi bħala ‘one stop shop’

Il-Ġimgħa filgħodu fil-Parlamet tnediet website ġdida bħala parti mill-proġett tal-Wellbeing Index.

Din il-website se sservi bħala one stop shop kif ukoll bħala stedina għal riċerkaturi biex tinħoloq pjattaforma wiesgħa fejn jinġabru l-istudji kollha li jkunu saru…kif ukoll informazzjoni relatata.

Il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca li hija l-fundatriċi tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society, saħqet li dan il-proġett sar fl-iktar żmien opportun fid-dawl tal-pandemija tal-COVID. Hija qalet li din il-website se sservi ta’ opportunità fejn il-policymakers ta’ pajjiżna jsibu l-informazzjoni kollha li għandhom bżonn.

S’issa minn dan il-Wellbeing Index ħareġ li l-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi għandu nuqqas ta’ ħin liberu. Ħareġ ukoll li min jinsab f’sitwazzjoni ta’ faqar assolut, ibati f’kull livell ta’ benesseri soċjali. Fatt interessanti ieħor hu li l-Maltin huma fost l-iktar nies nervuzi mill-Ewropej kolha.