Studju li sar wera li l-istudenti jippreferu jużaw il-lingwa Ingliża waqt li jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet. Dan minkejja li 79% tal-familji Maltin jitkellmu bil-lingwa Maltija fid-dar tagħhom.
Dan joħroġ minn rapport li analizza l-prestazzjoni ta’ madwar 1,900 student li għamlu l-eżami tal-Environmental Studies.
Il-maġġornaza tal-istudenti li għamlu dan l-eżami għażlu li jwieġbu l-mistoqsijiet bl-Ingliżi, bi 3% biss jirrispondu bil-lingwa Maltija.
Rapport ta’ eżaminatur wera li filwaqt li ħafna studenti għażlu li jalternaw bejn l-Ingliż u l-Malti meta wieġbu l-mistoqsijiet, diversi studenti ma esprimewx ruħhom b’mod korrett la bl-Ingliż u lanqas bil-Malti.
Ix-xejra li l-Ingliż jiġi ppreferut iktar mill-Malti ġiet innutata wkoll f’suġġetti oħra fosthom il-history, fejn il-biċċa l-kbira tat-tweġibiet kienu bl-Ingliż. Iżda anke hawn l-eżaminaturi lmentaw li l-użu tal-Ingliż ma sarx b’mod korrett tant li kien hemm drabi fejn kienet diffiċli għall-eżaminatur biex jifhem it-tweġibiet.
Għalliema li tkellmu mal-gazzetta maltatoday qalu l-fatt li n-notes li jingħataw biex jistudjaw fuqhom huma kollha bl-Ingliż, jaffettwa l-mod ta’ kif huma wieġbu waqt l-eżami.
L-istess studju wera li numru ta’ studenti ma kinux jafu jwieġbu dwar tema daqstant importanti għal pajjiżna kif ukoll għad-dinja… dik tatt-tibdil fil-klima.
U meta ġew mistoqsija dwar il-funzjoni tal-istituzzjonijiet Maltin, ħafna tħawdu r-rwol tal-Parlament ma’ dak tal-Kabinett tal-Ministri. F’mistoqsija oħra, 50% tat-tweġibiet identifikaw b’mod żbaljat l-Awtorità tal-Ippjanar u Heritage Malta bħala NGOs.
//= $special ?>