Lokali Qorti

Anzjan mixli li fera gravi lil ibnu wara argument fuq wirt

Anzjan ta’ 78 sena residenti s-Swieqi ġie akkużat quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li nhar il-Ħamis li għadda bejn is-6.30pm u s-7.30pm waqt argument jaħraq fuq wirt mingħajr il-ħsieb li joqtol lil ibnu jew li jqiegħed il-ħajja tiegħu f’periklu ċar, ikkaġunalu ferita ta’ natura gravi.

Joseph Aquilina li huwa minn San Ġiljan ġie mixli li wettaq dan ir-reat fir-residenza tiegħu billi ħebb għalih kif ukoll li nġurjah u dejjqu. Huwa ġie mixli wkoll li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni. Fil-Qorti l-Ispettur Eman Hayman qal li allegatament il-missier ta daqqa fuq ras ibnu li għandu 43 sena.

In-natura tal-argument kienet waħda ta’ natura ċivili dwar wirt tal-familja. L-akkużat għandu żewġ ulied oħra li huma subien u li kienu preżenti waqt l-argument u li se jkunu x-xhieda prinċipali fil-każ. It-tifel li weġġa’ li wkoll mistenni wkoll jitressaq il-Qorti mar jgħix f’xelter.

Il-Qorti laqgħet talba tad-difiża mmexxija mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Charmaine Cherret għal libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Il-Qorti ordnat ukoll lill-akkużat biex jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan darbtejn fil-ġimgħa, li ma jkellimx b’kull mezz lil ibnu, li ma jersaqx lejh u li ma jkellimx ix-xhieda tal-prosekuzzjoni.