Internazzjonali

FL-ISTATI UNITI: Maltemp kbir jolqot lil diversi stati, għexieren maħsuba mejta

Għexieren ta’ persuni tilfu ħajjithom wara li tromba kbira u maltemp laqtu lil numru ta’ stati fl-Istati Uniti.

Huwa maħsub li fl-aħħar sigħat fl-istat ta’ Kentucky kien hemm għadd ta’ vittmi, bil-Gvernatur tal-istess stat qal li l-ammont ta’ vittmi f’dan l-istat hemm ċans jaqbeż il-50 persuna. Kentucky bħalissa jinsab taħt stat ta’ emerġenza.

Qed ikun mifhum li ‘l fuq minn 100 persuna kienu jinsabu f’fabbrika tax-xemgħa, meta din l-istess fabbrika nħakmet mit-tromba li laqtet iz-zona. 

It-tromba ħalliet sfreġju kbir, bis-saqaf ta’ maħżen tal-kumpanija Amazon spiċċa kkollassa, b’numru ta’ persuni jinqabdu taħtu.

Is-sedja tat-tmexxija f’Mayfield spiċċat kważi nqerdet totalment wara li l-istess binja spiċċat inqabdet minn irwiefen qawwija.

Il-ħaddiema tas-salvataġġ fl-Istati Uniti bħalissa għaddejjin b’ħidma intensiva biex kemm jista’ jkun isalvaw il-ħajjiet, filwaqt li kontinwament qed joħorġu appelli ta’ kawtela u direzzjonijiet lill-pubbliku.

Fost ir-rapporti li nħarġu sa issa, kien hemm li żewġ subien li għamlu xi ħin mitlufa nstabu sigħat wara f’banju ‘l bogħod mid-dar tagħhom. Persuna tilef ħajtu filwaqt li 20 persuna nqabdu f’Dar tal-Anzjani, b’parti minn din l-istess binja tispiċċa tikkrolla. Huwa mifhum li ‘l fuq minn 60,000 persuna spiċċaw mingħajr provvista tal-elettriku.