Lokali

Ħallasna €2.3 miljun żejda għall-provvista ta’ ‘body scanners’ u ‘CCTV cameras’

Minn flus il-poplu, il-ħabs ta’ Kordin nefaq aktar minn €2.3 miljun żejda lil kuntrattur għall-provvista ta’ body scanners u closed-circuit cameras fil-ħabs. Dan kien konfermat mill-Awditur Ġenerali f’rapport li sab kif  il-kuntrattu tħallas madwar €4.5 miljun, meta l-ftehim oriġinali kien jammonta għal €2.1 miljun. Minkejja din ż-żieda qawwija fl-ispejjeż, l-NAO ma sab l-ebda ftehim ieħor bejn l-istat u l-kuntrattur li jiġġustifika l-istess żieda bombastika – miljuni li ma setgħux jiġu validati.

L-imsemmi proġett beda fl-2018 taħt it-tmexxija tal-Kurunell Alex Dalli, li ftit ġimgħat ilu ssospenda lilu nnifsu wara sensiela sħiħa ta’ suwiċidji f’Kordin. Kien l-istess Dalli li talab kotazzjonijiet għal, sitt body scanners, erba’ conveyor belts, u sistema ta’ CCTV koperta minn total ta’ 880 kamera. Sad-data tal-għeluq tas-sottomissjoni f’Settembru 2018, il-ħabs kien irċieva żewġ offerti għall-body scanners u erba’ offerti għas-CCTV cameras. L-NAO qal li ma sab l-ebda evidenza li kien hemm bord biex jevalwa s-sottomissjonijiet

Ir-rapport sab ukoll nuqqas ta’ dokumentazzjoni għal spezzjonijiet ta’ kuljum li kienu jsiru minn speċjalista tan-netwerk, li bdiet bħala żjara fis-siegħa f’Awwissu tal-2019 u żdiedet għal sagħtejn minn Diċembru tal-2019. Għal dan ix-xogħol, kien isir ħlas ta’ €158 fis-siegħa. Fl-2020 tħallsu aktar minn €19,000 għal dawn l-ispezzjonijiet. L-NAO sab li Alex Dalli eżerċita kontroll sħiħ fuq l-ispiża tal-proġett, u personalment awtorizza il-ħlasijiet qabel għaddew għand l-accontants.