Fi tmiem il-ġimgħa se jinżel is-separju fuq wieħed mill-aktar staġuni eċitanti tal-Formula 1 fl-aħħar snin, bl-aħħar Grand Prix f’Abu Dhabi. Wara l-Grand Prix spettakolari fl-Arabja Sawdija, l-attenzjoni ta’ bosta se tkun fuq iż-żewġ sewwieqa li qed jokkupaw l-ewwel u t-tieni post fil-klassifika, Max Verstappen ta’ RedBull u Lewis Hamilton ta’ Mercedes, li jinsabu t-tnejn bi 369.5 punti.
Filwaqt li għal Hamilton dan jista’ jkun it-tmien kampjonat fil-karriera tiegħu, għal Max Verstappen dan ikun l-ewwel kampjonat li rebaħ fil-Formula 1, fejn ikun ukoll qed iwaqqaf id-dominanza ta’ Mercedes u Hamilton li rebħu l-aħħar erba’ kampjonati. Ta’ min wieħed jinnota li din hija biss it-tieni darba fl-istorja li żewġ sewwieqa se jidħlu għall-aħħar Grand Prix b’punti ndaqs, bl-unika darba sseħħ fl-1974 meta Emerson Fittipaldi għeleb lil Clay Regazzoni u lil Jody Sheckter.
Attwalment Verstappen jinsab fl-ewwel post tal-klassifika minkejja li jinsabu bl-istess punti, hekk kif is-sewwieq ta’ Redbull rebaħ disa’ Grand Prix dan l-istaġun, waħda aktar minn Lewis Hamilton. Minkejja dan jekk Hamilton jirbaħ il-Grand Prix jew jikklassifika posizzjoni aħjar minn Verstappen, hu jikser ir-rekord ta’ Michael Schumacher għall-aktar kampjonati mirbuħa fil-Formula 1, li jkun it-tmien wieħed għall-Brittaniku.
Ħarsa lejn ir-rivalita’ matul dan l-istaġun
Fl-ewwel Grand Prix fil-Bahrain iż-żewġ sewwieqa kienu fi dwell kontinwu b’Verstappen jaqbeż lil Hamilton iżda illegalment, hekk kif ħareġ barra mil-linji tat-trakka, bis-sewwieq ta’ Redbull ikollu jċedi postu, b’Hamilton joħroġ minn fuq. Fit-tlielaq ta’ Imola, tal-Portugall u Spanja iż-żewġ sewwieqa kemm -il darba kellhom kuntatt bejn il-karozzi, b’Verstappen jirbaħ f’Imola filwaqt li Hamilton rebaħ iż-żewġ Grand Prix ta’ wara. Minkejja dan, ir-rivalita’ bejn iż-żewġ sewwieqa laħqet il-qofol tagħha fil-Grand Prix ta’ Silverstone fl-Ingilterra, b’Hamilton jolqot lil Verstappen, bil-konsewgwenza li l-Olandiż spiċċa barra mit-tellieqa wara inċident li seta’ kien fatali.
Madanakollu dan ma kienx l-aħħar inċident bejn iż-żewġ kompetituri. F’Monza, iż-żewġ sewwieqa kellhom inċident li seta’ kien fatali bil-karozza ta’ Verstappen tispiċċa fuq il-karozza ta’ Hamilton, biż-żewġ sewwieqa jkunu fortunati li ma sofrew l-ebda ġrieħi gravi. L-aħħar inċident kien fil-Grand Prix tal-Arabja Sawdija b’Hamilton deher jidħol fuq wara ta’ Verstappen, wara li l-Olandiż kien ordnat jċedi postu minħabba manuvri illegali li wettaq matul it-tellieqa.
Ir-relazzjoni bejn Verstappen u Hamilton iddeterjorat matul l-istaġun b’diversi battibekki bejn iż-żewġ sewwieqa kif ukoll bejn it-‘team principles’ tat-timijiet rispettivi, Christian Horner ta’ Redbull kif ukoll Toto Wolff ta’ Mercedes.
Għalkemm l-istaġun li għadda f’Abu Dhabi kien Verstappen li ħareġ rebbieħ, Hamilton jinsab għaddej f’forma mill-aqwa fejn rebaħ l-aħħar tliet Grand Prix. Ċertament li jkun min ikun ir-rebbieħ f’Abu Dhabi, dan kien staġun memorabbli għas-segwaċi kollha tal-Formula 1, bl-aħħar Grand Prix tkun deċiżiva għal min se jkun ir-rebbieħ tal-Formula 1 għall-istaġun 2021.