Lokali

It-tħassib dwar il-liġi tal-kannabis ikompli jikber

“Jekk xi ħadd għandu problema ta’ saħħa mentali, bħad-dipressjoni.. għandu darbtejn aktar ċans li jkollu problema ta’ sustanżi … u kull min juża sustanżi għandu problema ta’ saħħa mentali”

Dan kien id-diskors ta’ Anton Grech, Psikajtra u l-clinical chairman tas-servizzi tas-saħħa mentali, waqt seduta li saret aktar kmieni din is-sena tal-Kumitat Konġunt dwar l-Affarijiet Soċjali u dwar il-Familja, li matulha kienet diskussa l-Policy Nazzjonali dwar id-Droga f’pajjiżna.

Anton Grech saħaq li l-kannabis hija magħmula minn 400 kimika u l-maġġoranża ta’ dawn il-kimiċi jagħmlu ħsara lill-bniedem, kemm mentalment kif ukoll fiżikament.

“Anka fuq il-ġisem tagħmel ħsara il-ħaxixa… eżempju bil-ħaxixa hemm erbatax-il darba aktar riskju li tikkawża l-kanċer meta din tiġi kkumparata mas-sigaretti.”

Huwa tenna li meta wieħed juża l-kannabis b’mod regolari, din is-sustanza se tnaqqas il-memorja, il-kapaċita’ li wieħed jagħmel deċisjoni u bla dubju il-persuna li jagħmel użu mill-kannabis se jbati minn nuqqas ta’ attenzjoni.

“Illum huwa fatt u x-xjenza tgħidilna li l-ħaxixa tista iġib psikożi li hija marda serja ħafna.”

Il-psikjatra Anton Grech spjega li sabiex tgħaddi din il-liġi.. hemm bżonn ta’ aktar informazzjoni tangibbli u konsultazzjoni mal-esperti li ilhom snin twal jaħdmu f’dan il-qasam.

Min-naħa tiegħu .. il-psikjatra George Grech ikkritika b’mod sħiħ lill-Gvern għaliex qed ikompli jimbotta din il-liġi u jrid li tgħaddi akkost ta’ kollox.

Huwa saħaq li din il-liġi mhix korretta u l-Gvern għad m’għandux biżżejjed informazzjoni kif din il-liġi se taffettaw is-soċjeta’ tagħna. Dan filwaqt li għamel referenża għall-Olanda, il-pajjiż fejn il-kannabis hija legalizzata.

Fl-istess seduta, il-psikjatra Nigel Camilleri li huwa l-President tal-assoċjazzjoni tal-psikjatrija saħaq li f’temp ta’ ġimgħa … huma jiltaqgħu minn tal-inqas ma’ żewġ każijiet ta’ psikożi ikkaġunati mill-użu tal-kannabis .. li hu pjuttost numru konsiderevoli.

Il-psikjatra Rachel Taylor East, il-Viċi President tal-assoċjazzjoni tal-psikjatrija tenniet li fis-soċjeta hemm misinformazzjoni u ħafna jħawdu l-użu mediċina ma’ dak rikreattiv.

“Ma jfissirx li għax il-medical use hija tajba u għaddiet, ir-recreational use hija tajba… fil-verita’ m’hiex.”

F’din il-laqgħa l-ebda Deputat Laburista ma kien preżenti ħlief iċ-chairperson tal-kumitat Silvio Parnis.