Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jingħata kull sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bil-għan li jiċċelebra l-ogħla kisbiet fil-pubblikazzjoni tal-letteratura u r-riċerka f’Malta.
Fid-diskors tal-ftuħ il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), Mark Camilleri, laqa’ lill-finalisti kollha għal diċ-ċerimonja li, għal darb’oħra, ġabret lill-awturi u lill-pubblikaturi kollha taħt saqaf wieħed. Innota wkoll li ċ-ċerimonja ħadet bixra simbolika, hekk kif il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għalaq il-50 sena tiegħu mindu ngħata l-ewwel darba fl-1971.
Camilleri rrimarka li, minkejja l-isfidi li s-sena 2020 ġabet magħha lill-industrija tal-ktieb, l-għadd ta’ kotba ppubblikati kien ta’ tħeġġiġ il-qalb u allura l-okkażjoni taċ-ċerimonja nnifisha kienet xhieda tar-reżiljenza tal-pubblikazzjoni Maltija. Kompla jgħid li l-2021 kienet sena oħra ta’ xogħol ma jaqta’ xejn għall-KNK, u fl-irwol tiegħu se jfittex li jsaħħaħ lill-Kunsill sabiex is-sapport lill-industrija jikber bis-saħħa ta’ ħidmiet u sinerġiji ġodda ma’ entitajet u istituzzjonijiet pubbliċi oħra.
Sostna li l-KNK huwa miftuħ għal kollaborazzjonijiet varji li jagħtu frott issa u fil-ġejjieni. Camilleri feraħ lill-finalisti u żied jgħid li l-lista tal-kotba li kkompetew għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, miktuba kemm minn awturi stabbiliti u oħrajn ġodda, huma turija tal-istandards eċċellenti li l-industrja qiegħda dejjem tħabrek sabiex tilħaq.
Il-kotba rebbieħa ntgħażlu minn bord ta’ aġġudikazzjoni indipendenti minn lista ta’ finalisti li għaddet 46 ktieb, kollha ppubblikati s-sena ta’ qabel u mifruxa fi tmien kategoriji kompetittivi. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-kategorija tar-rumanzi mar għand Gioele Galea għall-ktieb In-Nar Għandu Isem: Noti minn Paġna Intima (Horizons). Ir-rebbieħa l-oħra huma Lara Calleja bil-ktieb Kissirtu Kullimkien (Merlin Publishers) fil-kategorija tan-novelli, Carmel Scicluna li rebaħ il-kategorija tal-poeżija bil-ktieb L-Ambjent li Qeridna: Poeżiji (2017-2020) (Horizons), Immanuel Mifsud u Toni Sant li flimkien kitbu l-ktieb rebbieħ fil-kategorija tal-letteratura mhux fittizja, Jien – Noti – Jien: Ħsejjes u Stejjer (Klabb Kotba Maltin), u Paul Zahra li rebaħ il-kategorija tat-traduzzjonijiet bil-ktieb Mix-Xaqliba ta’ Dar Swann – Ismijiet ta’ Pajjiżi: L-Isem (Awtoppubblikat), oriġinarjament ta’ Marcel Proust.
Imbagħad il-premju għall-kategorija tar-riċerka ġenerali mar għand Giuseppe Schembri Bonaci għal The Beheading of Ignez: Katabasis, Ezra Pound and Three Maltese Artists (Horizons), il-kategorija tar-riċerka bijografika u storjografika ntrebħet minn Martin Micallef, l-editur ta’ Crux Invicta: Il-Kurċifiss Mirakuluż u l-Kapuċċini f’Għawdex (Midsea Books), u l-Premju għall-Aħjar Produzzjoni ta’ Ktieb bl-Isbaħ Dehra mar għand Midsea Books għall-pubblikazzjoni tal-ktieb The Addolorata Cemetery.
Il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti mar għand Stephen Lughermo, l-awtur ta’ rumanzi għaż-żgħażagħ, għat-tfal, u tal-ġabra ta’ novelli Ċelel Bla Ħitan (Horizons, 2020). U f’ġieħ karriera twila bħala poetessa u kittieba ta’ rumanzi, il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura mar għand Rena Balzan. Minbarra l-kontribuzzjonijet letterarji tagħha, Balzan kienet għal ħafna żmien Professur Assoċjat tal-Ġenetika u l-Bijoloġija Molekulari fil-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija fl-Università ta’ Malta.
//= $special ?>

