Lokali

Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Soċjetà Ġusta 2021

“Jeħtieġ tisħiħ f’dik li hija edukazzjoni biex tassew ikollna t-tip ta’ inklussività li nixtiequ, inklussività li nixtiequha u rriduha verament, u mhux biss għax mistenni minna.”

Stqarr dan il-President ta’ Malta, George Vella permezz ta’ messaġġ virtwali waqt is-serata ta’ Premju Soċjetà Ġusta. Il-Premju Soċjetà Ġusta hu ċelebrazzjoni tal-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ diversi individwi fis-settur tad-diżabilità. Dan huwa avveniment annwali li jagħmel parti mill-attivitajiet organizzati waqt il-ġimgħa ddedikata għad-Diżabilità, bil-għan li jiġu rrikonoxxuti l-kisbiet ta’ individwi u organizzazzjonijiet li jħaddnu kultura ta’ inklużjoni favur persuni b’diżabilità.

Il-President fisser kif “huwa fid-dmir tagħna li niffokaw fuq l-abbiltajiet differenti li għandu kulħadd.  Huwa obbligu tagħna wkoll naraw li jitwarrab kull xkiel li jista’ ma jħallix persuna b’diżabilità tħossha tassew li tifforma parti sħiħa mis-soċjetà.”

Ir-rebbieħa ta’ din is-serata kienu Żebbug Rangers FC Youth Nursery li ingħataw Premju Parteċipazzjoni Attiva fl-Isport, Arti u Kultura; il-Malta Federation of Organisations Persons with Disability (MFOPD) li ingħataw Premju għall-Ħidma fit-Tisħiħ tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità; Oliver Scicluna li ngħata l-Premju għall-Kisba tul il-Ħajja fis-settur tad-Diżabilità; Farsons Group li ngħataw il-Premju għall-Iktar Post tax-Xogħol Inklussiv u Jacob Cachia li huwa r-rebbieħ ta’ Premju Soċjetà Ġusta.

Jacob Cachia, deskritt bħala sors ta’ motivazzjoni u pożittività, hu persuna li jmexxi cafeteria li tħaddem il-kunċett fejn perċentwal mill-flus imorru għall-għaqda non-governattiva ta’ Jacob Survivors Malta li l-fondi li tiġbor imorru biex jgħinu familji li jkunu għaddejjin minn trawma.