Lokali

L-Ombudsman jagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista

Investigazzjoni li saret mill-Ombudsman dwar xogħolijiet irregolari mill-Aġenzija Infrastructure Malta fi Triq id-Daħla tas-Sienja, Triq San Ġwann Bosco u Sqaq il-Mużew f’Ħad-Dingli, sabet li dawn ix-xogħolijiet bdew qabel ma kienu awtorizzati minn Transport Malta ….u qabel intbagħtet il-commencement notice dwar il-permess ambjentali għaż-żbir u l-qlugħ ta’ siġar lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.

L-ilment kien tressaq mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Robert Cutajar wara li fit-2 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet Infrastructure Malta bdiet xogħolijiet f’dawn it-toroq – xoghlijiet li twaqqfu wara diversi lmenti minn bosta residenti. 

Iżda mbagħad, dawn ix-xogħolijiet reġgħu bdew fl-14 ta’ Ottubru bil-qtugħ ta’ siġar.

Il-kontroversja kompliet meta l-progett reġa’ twaqqaf għal darb’oħra… sakemm tkomplew fit-22 ta’ Marzu ta’ din is-sena – għalkemm reġgħu twaqqfu għal madwar tliet ġimgħat bil-protesti li saru fil-post.

Meta bdew ix-xgħolijiet kien hemm ħafna ilmenti minħabba li xi sidien u residenti ma kinux ġew avżati u minħabbar kwistjonijiet fuq permessi dwar siġar, ħitan tas-sejjieħ u strutturi ta’ valur storiku li setgħu jintilfu fl-inħawi.

Ir-rapport tal-Ombudsman saħaq ukoll li t-tibdil tal-Att dwar il-protezzjoni tal-Ambjent għandu jiġi konkluż malajr kemm jista’ jkun, u għandu jinkorpora wkoll perjodu ta’ sospensjoni tal-permessi ambjentali pendenti.

Ir-rapport tal-Ombudsman aċċenna wkoll fuq l-importanza ta’ on stop shop sabiex iċ-ċittadin ikun infurmat tajjeb u sabiex il-multi li jiġu imposti kontra entitajiet tal-Gvern ma jissarfux biss fi tranżazzjoni interna.

Dan l-aħħar rapport tal-Ombudsman li huwa ċamata għall-Gvern ta’ Robert Abela…wasal wara li l-Oppożizzjoni nghatat ukoll raġun dwar xgħolijiet illegali li saru f’Kemmuna, fil-Marsa u fiz-zona tal-Victoria Lines.