Lokali

“L-użu tal-kannabis huwa assoċjat ma’ żieda fl-inċidenti tat-traffiku” – Doctors for Road Safety

Doctors for Road Safety jemmnu li l-kummerċjalizzazzjoni u ż-żieda fid-disponibbiltà tal-kannabis x’aktarx iwasslu għal żieda fl-inċidenti tat-traffiku u l-imwiet kif urew studji reċenti barra mill-pajjiż. Huwa qed jappellaw lill-Gvern sabiex itejjeb il-leġiżlazzjoni fir-rigward tas-sewqan taħt l-influwenza tad-drogi (inkluża l-kannabis), speċjalment meta dawn jittieħdu bl-alkoħol.

Doctors for Road Safety jappellaw ukoll għal aktar taħriġ u preżenza ta’ uffiċjali tal-infurzar fit-toroq Maltin u fejn meħtieġ isiru testijiet għad-droga fil-ġenb tat-triq.

Fi stqarrija huma qalu li l-kannabis tirriżulta f’koordinazzjoni ħażina tas-sewqan fejn studji li saru sabu relazzjoni diretta bejn il-livell ta’ THC fid-demm u l-abbiltà tas-sewqan (speċjalment f’nies li kkunsmaw il-kannabis eżatt qabel is-sewqan).