Raheem Sterling ikkonverta penalty kontroversjali biex jagħti rebħa importanti lil Manchester Ciy – il-liders attwali tal-Premier League – għall-ispejjeż ta’ Wolvehampton Wanderers fl-Etihad Stadium. Il-mument kien memorabbli għal Sterling li b’hekk skorja l-100 gowl personali fil-Premier League u meta City żgur li kien jimmeritahom mir-rebħa wara li kellhom ferm aktar mil-logħob u meta, fit-tieni taqsima, fetħu bumbardament sħiħ fuq il-lasta tal-midlanders. Il-logħba ġiet aktar għat-telgħa għal Wolves li spiċċaw b’għaxra wara li – lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima — tkeċċielhom Raul Jimenez li rċieva żewġ karti sofor fi spazju ta’ ftit sekondi. It-tieni taqsima, għaldaqstant, kienet kollha ta’ marka “City’ bi STERLING iżomm il-kalma biex jiskorja mill-ħdax-il metru għall-gowl deċiżiv tal-logħba. Dan wara li evalwazzjoni fit-tul bil-VAR iddeċidiet li Joao Moutinho kien waqqaf il-cross ta’ Bernardo Silva b’idejh fil-kaxxa l-kbira. Wara l-gowl ta’ Sterling,. Wolves wettqu reazzjoni qalbiena iżda l-bilanċ tal-logħob kien ferm akrtar favur City li kellhom 24 tentattiv fuq il-lasta avversarja konra t-tlieta għal Wolves. Dan meta l-gowlkiper ta’ Wolves, Sa, wettaq diversi saves tajbin – b’Conor Coady u Max Kilman jaqilgħu tentattivi minn fuq il-linja wara azzjonijiet ta’ Phil Foden u Ilkay Gundogan. Fl-aħħar ħinijiet, Kilman sforza save tajjeb mill-gowlkiper ta’ City, Ederson, iżda r-riżultat baqa’ l-istess sat-tisfira finali. Dan ifisser li Wolves naqsu li jiskurjaw fl-aħħar erba’ logħbiet tal-Premier League. Għall-kuntrarju, City rebħu l-aħħar sitt logħbiet konsekuttivi fil-kampjonat biex żammew il-punt vantaġġ (bi 38) f’ras il-klassifika – u fejn huma segwiti minn Liverpool (37) u Chelsea (36).
Sadanittant, Liverpool għelbu lil Aston Villa, 1-0, f’darhom, bil-gowl deċiżiv jasal fit-tieni taqsima minn penalty xi ftit kontroversjali li kien ikkonvertit mill-prolifiku Mo SALAH. Il-logħba kienet sinifikattiva minħabba r-ritorn ta’ Stevie Gerrard – eks-eroj tar-Reds – bħala l-manager ta’ Villa. Iżda fil-verità, il-Villains kienu inferjuri għall-plejers ta’ Jurgen Klopp għal ħinijiet twal, b’Liverpool jiddominaw lill-avversarji kważi mill-bidu sat-tmiem. Il-gowlkiper ta’ Villa, Emi Martinez, wettaq numru ta’ saves diffiċli sas-67 minuta, meta r-referi, Stuart Attwell, saffara penalty għal konfront fil-kaxxa ta’ Tyrone Mings u Salah, bid-deċiżjoni tidher waħda daqsxejn dubjuża fiċ-ċirkustanzi. Madankollu, Salah inkariga ruħu mill-penalty u ma ta l-ebda ċans lil Martinez b’xutt missila għar-rokna u għall-uniku gowl tal-logħba.
Chelsea kisbu rebħa mill-aktar drammatika, 3-2, fuq Leeds United, bil-gowl deċiżiv għall-Blues jasal ukoll minn penalty minuta qabel it-tisfira finali. Chelsea daħlu għal din il-logħba mingħajr rebħa fl-aħħar żewġ konfronti u huma sabu ruħhom minn taħt wara nofs-siegħa meta RAPHINHA skorja penalty għall-fawl fil-kaxxa ta’ Alonso fuq Daniel James – b’Chelsea jiksbu d-dro minn Mason MOUNT qabel il-mistrieħ. Fit-tieni taqsima JORGINHO (58) poġġa lill-Blues fil-vantaġġ b’penalty ieħor wara li Raphinha waqqa lil Rudiger fil-kaxxa bi sliding tackle; iżda Leeds wieġbu fil-83 minuta, meta s-sostitut Joe GELHARDT għeleb lill-gowlkiper Mendy fuq il-cross baxx ta’ Tyler Roberts. Madankollu, l-aħħar kelma kienet ta’ Jorginho li fl-94 minuta skorja t-tieni penalty tiegħu u l-gowl deċiżiv għall-Blues wara li Rudiger mill-ġdid twaqqa’ fil-kaxxa fuq l-intervent ta’ Mateusz Klich.
Arsenal irritornaw għar-rebħ wara tliet telfiet konsekuttivi fil-league b’rebħa netta, 3-0, fuq Southampton fl-Emirates Stadium. Il-Gunners niżlu għal din il-logħba mingħajr il-captain Pierre-Emerick Aubameyang iżda xorta kellhom aktar ideat mis-Saints li mill-ġdid iddiżappuntaw barra minn darhom. Alexandre LACAZETTE fetaħ l-iskor għal Arsenal fil-21 minuta, b’Martin ODEGAARD (21) jirdoppja b’daqqa ta’ ras mill-qrib. Id-dominju tal-Gunners kien assolut, bit-tim ta’ Mikel Arteta iżid gowl ieħor għat-3-0 finali meta d-difensur GABRIEL (62) sab ix-xibka mill-ġdid fuq il-korner ta’ Martinelli.
PREMIER LEAGUE
Illum: Man City v Wolves 1-0, Arsenal v Southampton 3-0, Chelsea v Leeds 3-2, Liverpool v Aston Villa 1-0, Norwich v Man Utd 0-1 Għada: Burnley v West Ham 3.00pm, Leicester v Newcastle 3.00pm, C. Palace v Everton 5.30pm