Lokali

Misraħ Kirkop jilqa’ 125 dekorazzjoni tal-Milied magħmula minn materjal użat

L-Għaqda Mużikali San Leonardu qiegħda torganizza Milied f’Misraħ Kirkop nhar is-Sibt 11 u l-Ħadd 12 ta’ Diċembru. Din hi attivita’ għall-familja kollha mtella mill-membri tal-Għaqda bl-appoġġ tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop.

Bla dubju li ħafna jkunu qegħdin jistennew dawn il-jiem ta’ tħejjija għal Milied. Mhux biss għaliex din hi waħda mill-isbaħ festi ta’ fidi, iżda wkoll għaliex jinħass ħaj spirtu ta’ tħejjija anke’ fl-ispazji ta’ madwarna. Ħafna huma dawk li jieħdu dan iż-żmien bis-serjeta’ hekk kif jippjanaw b’reqqa kbira l-ħruġ, l-ikliet, ir-rigali u t-tiżjin, saħansitra minn ġimgħat qabel.

Hekk ukoll għamlu diversi partitarji tal-Għaqda Mużikali San Leonardu ta’ Ħal Kirkop li matul dawn l-aħħar ġimgħat kienu impenjati sabiex iħejju dekorazzjonijiet tal-Milied magħmula kompletament minn materjal użat, l-aktar kartun, li kien sejjer għar-rimi. Madwar 125 dekorazzjoni, minn blalen, għal qniepen, fanali u linef dekorattivi kollha bit-tema tal-Milied li ser ikunu qegħdin iżejnu kannizzata dekorattiva li ser tintrama’ ġewwa Misraħ Kirkop biswit is-sede tal-Għaqda.

Din il-kannizzata ser tiżżanżan illum (is-Sibt 11 ta’ Diċembru), filgħaxija, mal-bidu tal-attivita’ ta’ Milied f’Misraħ Kirkop, hekk kif ġiet iskritta għal rekord nazzjonali, dak ta’ kanizzata tal-Milied bl-akbar ammont ta’ dekorazzjonijiet magħmul bl-idejn minn materjal użat. Waqt din l-attivita’ wieħed ser isib diversi affarijiet abbinati mal-Milied, inklużi ikel u ħlewwiet tipiċi magħmula mid-dulċiera u l-partitarji tal-Għaqda.

Matul il-jum tal-Ħadd wieħed ser isib dan kollhu u aktar inklużi daqq ta’ siliet tal-Milied mill-Banda San Leonardo fill-11 ta’ filgħodu.

Din hi attivita’ mtella skond il-miżuri għall-prevenzjoni mill-Covid19. Kull min jattendi hu mitlub jippreżenta ċ-ċertifikat ta’ tilqim flimkien mal-karta tal-Identita’ u jżomm mal-prekawzjonijiet meħtieġa.