Taljan ta’ 45 sena tilef ħajtu traġikament fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu wara inċident li seħħ fi Triq it-Torri, f’Tas-Sliema.
Il-Pulizija qalu li t-Taljan, residenti l-Gżira, tilef il-kontroll tal-mutur li kien qiegħed isuq, tat-tip Honda, bil-konsegwenza li waqa’ minn fuqu, baqa’ jitkaxkar u ħabat mal-bankina. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3am.
Tim mediku ta l-assistenza tiegħu b’mod immedjat imma sfortunatament, il-vittma ġie ċċertifikat mejjet fil-post.
Il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
