Lokali

Tkompli tiżdied il-pressjoni biex issir iktar diskussjoni qabel jittieħed il-vot dwar il-liġi tal-kannabis

Wara li 57 imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet u individwi (sa issa kważi 6,819 ruħ) qed jitolbu lill-Parlament biex isiru l-emendi fl-Abbozz ta’ Liġi Nru. 241 u wara li ħafna ċittadini ffirmaw il-petizzjoni li qed jagħmlu, formalment qed jitolbu biex din l-istess petizzjoni tingħalaq fit-12 ta’ Diċembru fil-11.30pm minflok f’nofsinhar, skont il-linji gwida 6.1 , u li jitlaqqa’ mill-aktar fis possibbli l-Kumitat tal-Petizzjonijiet biex jiddiskuti din il-petizzjoni qabel ma jittieħed il-vot finali fil-Kamra tad-Deputati skont il-linji gwida 7.1.

Dan qed jagħmluh permezz ta’ ittra li bagħtu lil Joe Mizzi u lill-Kumitat tal-Petizzjonijiet kif ukoll lill-Ispeaker Anġlu Farrugia.

L-ittra tkompli tgħid li l-57 organizzazzjoni u individwi qalu li jinsabu nkwetati ħafna li l-ebda emenda tal-ebda entita’ ċivili ma’ ġiet aċċettata fl-stadju tal-Kumitat ta’ dan l-abbozz ta’ Liġi.

Diversi msieħba soċjali, l-NGOS li l-iktar għandhom esperjenza professjonali fil-prevenzjoni tal-abbuż tad-droga, il-psikjatri, l-infermiera, it-tobba, is-social workers, il-Kummissarju tat-Tfal, il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca u tant organizzazzjonijiet u akademiċi esprimew tħassib kbir dwar l-effetti ħżiena ta’ din il-liġi.

Għaldaqstant huma qed jitolbu li l-Kumitat jaċċetta t-talba tagħhom li l-abbozz ta’ ligi jkompli jiġi diskuss biex isirulu l-emendi meħtieġa qabel ma jgħaddi għat-Tielet Qari u għall-vot finali fil-Parlament.