Futbol Sport

Hibernians b’rebħa konvinċenti biex komplew ikabbru l-vantaġġ f’ras il-klassifika

HIBERNIANS …………. 3
GŻRA …………………….. 1

Hibernians: I.Kone, F.Apap, L.Almeida, A.Attard, J.Grech (Z.Grech 83′), J,Degabriele, B.Kristensen, D.Vella, T.Adama, A.Agius, G.Artiles

Gżira: D.Zarkov, G.Bohrer, L.Tabone, N.Muscat, S.Pisani (M.Davis 70′), Z.Scerri, Y.Messias, N.Portelli (E.Mbong 70′), M.Maia, J.De Assis, J.Mendoza

Referee: F.Zammit
Assistenti Referees: A.Camilleri, M.Scerri

Fit-Tony Bezzina Stadium Hibernians kisbu rebħa konvinċenti ta’ 3-1 fuq Gżira biex komplew ikabbru l-vantaġġ tagħhom f’ras il-klassifika, fejn fetħu vantaġġ ta’ 8 punti fuq it-timijiet ta’ warajhom.

Gżira marru fil-vantaġġ fir-4 minuta meta minn corner mix-xellug kien Maxwell Maia li waħdu fil-kaxxa tefa’ bir-ras fix-xibka għal 1-0. Fl-14-il minuta l-ewwel azzjoni ta’ Hibernians bil-konkliżjoni ta’ Ayrton Attard tgħaddi barra mil-lasti ta’ Gżira. Minuta wara Gżira mill-ġdid perikoluż meta Yuri Messias avvanza tajjeb bix-xutt mid-distanza tiegħu jgħaddi ftit barra mil-lasti ta’ Kone.

Fit-30 minuta azzjoni perikoluża minn Hibernians meta minn cross ta’ Thaylor Adama kien Jake Grech li ra l-konklużjoni tiegħu mdawwra f’corner mid-difensuri ta’ Gżira. Hibernians kisbu l-gowl tad-draw fit-32 minuta meta gġal darb’oħra minn cross ta’ Thaylor Adama, kien Dunstan Vella li niżżel lejn Jurgen Degabriele, li xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka għal 1-1.

Hibernians dawwru r-riżultat fis-57 minuta meta wara azzjoni maħduma tajba Dunstan Vella sab lil Jake Grech, li għadda lejn Jurgen Degabriele li mill-viċin tefa’ fix-xibka għal 2-1. Fis-67 minuta Gżira viċin il-gowl tad-draw meta wara ġirja b’saħħitha kien Jefferson De Assis li ra l-konklużjoni tiegħu salvata tajjeb mill-goalkeeper Ibrahim Kone.
Biex fit-73 minuta Hibernians għalqu l-partita meta wara kontrattakk veloċi bejn Jurgen Degabriele u Jake Grech, kien l-aqwa skorer tal-kampjonat Jake Grech li mill-viċin ma żbaljax għal 3-1.