Lokali

Il-kuntratt dwar it-tliet sptarijiet pubbliċi lil Steward Healthcare

Nhar it-Tlieta li ġej, 14 ta’ Diċembru 2021, il-Membri Parlamentari kollha se jkollhom mument kruċjali hekk kif se jiġu biex japprovaw mhux biss il-Baġit tal-Gvern għas-sena 2022, iżda u b’mod partikulari l-vot għall-Estimi dwar is-Saħħa fejn il-Gvern ta’ Robert Abela qed jipproponi li Steward Healthcare jingħataw €69 miljun oħra!

Minn wara dahar il-poplu Malti u Għawdxi, il-Gvern ta’ Joseph Muscat meta Robert Abela kien konsulent tiegħu, ta l-Isptar Karen Grech, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lil Vitals Global Healthcare li sussegwentement biegħet kollox lil Steward Healthcare.

Din hi serqa kbira minn wara dahar il-poplu Malti, iżda fl-istess ħin hi serqa kontinwa hekk kif il-Gvern qiegħed jibqa’ għaddej bis-serqa sal-punt li għas-sena d-dieħla jrid li jkollu l-approvazzjoni tal-Kamra biex Steward Healthcare – li bil-provi ma onorawx l-obbligi li daħlu għalihom – jingħataw €69 miljun oħra minn flus il-poplu.

Nhar it-Tlieta l-Membri Parlamentari kollha jridu jddeċiedu jekk jaġixxux favur il-veru interessi tal-poplu jew jaġixxux fl-interess ta’ din is-serqa oxxena fid-dawl tax-xemx. Fin-nofs, kull Membru Parlamentari qabel jiddikjara l-vot tiegħu jrid jiftakar fil-ġurament ta’ lealtà li ħa fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura u allura jiddeċiedi jkunx kompliċi f’dan ir-reat kbir jew le.

Il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni issa ilu diversi snin jissielet kontra dan il-kuntratt korrott u frewdalenti, inkluż bi proċessi quddiem il-Qrati Maltin. Barra minn hekk, dwar l-istess kwistjoni ftit tal-ġimgħat ilu l-Partit Nazzjonalista ppreżenta wkoll Protest Ġudizzjarju ffirmat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela dwar il-bejgħ korrott u null tat-tliet sptarijiet pubbliċi l-ewwel lil Vitals Global Healthcare, u fil-preżent lil Steward Healthcare.

Dan il-Protest Ġudizzjarju, kontra l-Prim Ministru Robert Abela bħala l-Kap tal-Eżekuttiv u bħala l-Kap tal-Kabinett tal-Ministri, sar għaliex issa u aktar minn qatt qabel ħadd m’għandu dubju li dwar il-kwistjoni tat-tliet sptarijiet pubbliċi mogħtija minn wara dahar kulħadd lill-privat, hu biss il-Partit Nazzjonalista li jista’ jkun ta’ difiża għall-poplu Malti u Għawdxi.

F’kumment lil Il-Mument, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech fisser li Malta hi bbażata fuq il-familji li huma għaqlin u lkoll joqogħdu attenti ħafna meta jiġu biex jonfqu l-flus tagħhom. Infiq b’responsabbiltà u mhux bħal dan il-Gvern li fil-kutratt mal-Vitals Global Healthcare u issa ma’ Steward Healthce, mhux jonfoq flus il-poplu b’għaqal u b’responsabbiltà. Dan qed jgħidu wkoll l-Awditur Ġenerali li bl-aktar mod ċar qal li dan hu kuntratt li fih il-ksur tal-Liġi.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li kuntratt li fih il-ksur tal-Liġi, allura hu kuntratt null u bla effett. Għalhekk mhux aċċettabbli li li l-Gvern jonfoq flus il-poplu, anzi jrid iżid in-nefqa, f’kuntratt li hu evidentement ivvizzjat mal-kumpanijia Steward.

Dan hu kuntratt inaċċettabbli u għalhekk m’għandux jitħalla jitkompla fis-seħħ meta ma’ kull jum li jgħaddi joħroġ kemm dan hu kuntratt frewdolenti. Hu żied li dan hu ftehim ħażin u quddiem dan kollu kulħadd qed jara Prim Ministru bla kuraġġ u bla rieda politika biex jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn favur il-poplu Malti biex ma jitħalliex jibqa’ jinsteraq dawn il-flus.

Il-Partit Nazzjonalista hu determinat li jibdel din ir-realtà u għalhekk irid li din is-serqa titwaqqaf u għalhekk il-Partit Nazzjonalista ppreżenta dan il-Protest Ġudizzjarju quddiem il-Qrati tagħna. Il-Kap Nazzjonalista wissa li Robert Abela għadu marbut mad-dnub oriġinali mwettaq minn Konrad Mizzi meta nnegozja dan il-ftehim. U għalhekk Robert Abela jrid jispjega xi ftehim għandu ma’ Konrad Mizzi u għaliex hu marbut milli jinħall minn dan il-kuntratt. Robert Abela u l-Grupp Parlamentari Laburista jibqgħu kompliċi ma’ dak li wettqu ta’ qabilhom.

Hu qal li t-Tlieta, 14 ta’ Diċembru li ġej, il-Prim Ministru jrid li l-Parlament jivvota favur il-Baġit għas-sena d-dieħla li jaħseb biex jagħti żieda ta’ €20 miljun lil Steward biex hekk it-total għas-sena d-dieħla jitla’ għal €69 miljun.

Anki terzi fi Steward qed jiddeskrivu dan il-kuntratt bħala wieħed frawdolenti. Il-Gvern jaf li dan hu kuntratt null u l-kumpanija Steward taf li dan hu kuntratt frawdolenti, temm jgħidilna Bernard Grech. Ħadna wkoll il-kummenti tad-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia li qal li qed nassistu għal sitwazzjoni bla preċedenti għaliex qatt ma kellna sitwazzjoni fejn il-Gvern fil-Parlament jaf li qed jappoġġja kuntratt null, mibni fuq il-frodi u frawdolenti ma’ Steward, iżda jrid lill-Membri Parlamentari tal-Gvern biex jivvutaw favur tiegħu.

Il-Gvern irid lill-Membri Parlamentari tiegħu jivvutaw favur il-Baġit għas-sena d-dieħla meta kulħadd jaf li dan hu kuntratt kriminali. Il-Prim Ministru qed jipprova jgħaddi lill-Membri Parlamentari Laburisti kollha bir-responsabbiltà legali għal dan il-kuntratt. Jiġifieri issa mhux ir-responsabbiltà politika biss, imma anki r-responsabbiltà legali!

Il-Prim Ministru Robert Abela jrid li s-sena d-dieħla Steward jingħataw xejn inqas minn €69 miljun! U dan meta anki l-Awditur Ġenerali wkoll kien iddikjata mhux biss li dan il-kuntratt hu bbażat fuq ksur tal-Liġi, saħansitra qabel ma ħarġet is-sejħa fil-pubbliku kien hemm diġà ftehim ma’ min sar dan in-negozju.

Adrian Delia fisser li issa anki Steward innifishom qed jiddikjaraw fil-Qrati Maltin li l-kuntratt li akkwistaw hu frawdolenti u korrott. Allura kif jista’ jkun li l-Membri Parlamentari Laburisti jkunu infurzati biex japprovaw dan il-Baġit għas-sena d-dieħla u hekk jiddaħħlu huma wkoll b’responsabbiltà legali għal dan il-kuntratt ivvizzjat?

Min jivvota favur il-Baġit ikun qed jagħżel li jsir kompliċi f’reat għaliex qed iħallas kuntratt illegali. Sadattant wieħed jistaqsi x’qed jagħmel il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà dwar dan kollu. Dan il-Protest Ġudizzjarju allura issa qed jitfa’ fuq il-Kummissarju tal-Pulizija l-obbligu li jwettaq l-investigazzjonijiet kollha skont il-Liġi biex jara min hemm implikat. L-FIAU x’għamlet dwar dan il-kuntratt frawdolenti? Dan hu każ fejn qed jintużaw il-flus tan-nies biex
isir negozju illegali u qarrieqi bi flus il-poplu.

Hu qal li anki l-Banek konċernati x’qed jagħmlu huma wkoll dwar dan il-kuntratt illegali. Mela ċittadin imur il-bank b’somma flus biex jiddepożitaha u jagħmlulu ħajtu infern… iżda mbagħad ħniżrijiet bħal dawn jibqgħu għaddejjin.
Hemm ukoll il-Malta Industrial Parks li taw l-art ta’ dawn l-isptarijiet… x’responsabbiltajiet qed terfa’ għal dak li qed jiġri?

Finalment responsabbiltà wkoll trid tinġarr minn Steward li min-naħa tiegħu qiegħed jagħraf li dan hu kuntratt korrott u minsus. Allura kif jistgħu jibqgħu jisirqu aktar flus minn fuq dahar il-poplu Malti?

Jekk l-affarijiet f’pajjiżna ma jibdewx isiru bis-serjetà allura pajjiżna se jibqa’ ankrat fil-lista l-griża bil-konsegwenzi kollha li ħaġa bħal din qed iġġib fuq pajjiżna u għal din is-sitwazzjoni xi ħadd irid iwieġeb u jagħti rendikont, temm Adrian Delia.