Lokali

Il-liġi mgħaġġla tal-Cannabis għal skop ta’ rikreazzjoni

Illum fil-11am se ssir fil-Lukanda Excelsior, il-Furjana, konferenza tal-aħbarijiet li matulha se jingħataw l-aħħar żviluppi dwar il-petizzjoni mressqa quddiem il-Parlament nhar it-Tlieta li għadda li titlob li l-liġi li tippermetti l-użu tal-cannabis għal skop rikreazzjonali tkun diskussa b’mod immedjat qabel il-vot finali fil-Parlament skedat għal nhar it-Tlieta li ġej.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet se jsiru interventi minn uħud mit-53 organizzazzjoni u individwi li flimkien ressqu din il-petizzjoni lill-President tal-Petizzjonijiet, id-Deputat Laburista Joe Mizzi, li sal-lum għadu qed jirrifjuta t-talba ta’ dawn l-organizzazzjonijiet kollha biex il-liġi tkun diskussa b’urġenza mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet.

Fost dawk li dalgħodu se jwasslu l-appell tagħhom lill-Gvern biex ma jibqax iwebbes rasu u jisma’ l-karba tal-poplu, imqar biex isiru l-emendi proposti għal din il-liġi, hemm il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, li se twassal direttament il-messaġġ tagħha waqt il-konferenza tal-aħbarijiet.

Messaġġi oħrajn se jingħataw mill-President tal-MAM Martin Balzan u minn rappreżentanti ta’ Caritas Malta, il-Fondazzjoni OASI, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja, u l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatrija f’Malta.

Ta’ min ifakkar li l-assoċjazzjonijiet u individwi li ffirmaw il-petizzjoni li tressqet quddiem il-Parlament, jirrappreżentaw eluf ta’ persuni li flimkien qegħdin jappellaw lill-membri parlamentari tal-Gvern biex qabel il-vot finali tagħhom jirriflettu fuq ir-riperkussjonijiet negattivi li din il-liġi tista’ tikkawża fuq iż-żgħażagħ, il-familji u s-soċjetà inġenerali.

Ta’ min ifakkar ukoll li dan il-Gvern – li diversi drabi jħobb juża s-slogan li hu Gvern li jisma’ – dwar dan l-abbozz ta’ liġi sema’ biss minn organizzazzjoni waħda favur il-cannabis waqt li injora u qed jinsisti li jibqa’ jinjora sal-aħħar lill-ħafna organizzazzjonijiet, korpi kostitwiti, esperti mediċi, professjonisti mill-qasam psikosoċjali, akkademiċi, organizzazzjonijiet bi snin twal ta’ esperjenza fil-qasam tal-prevenzjoni tad-droga u ħafna oħrajn li lkoll esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar din il-liġi proposta.

Il-Gvern qed jinjora wkoll il-karba ta’ bosta ġenituri, ta’ kull kulur politiku, li kemm fuq il-midja soċjali u f’diversi programmi televiżivi u tar-radju fuq kull stazzjon lokali, urew u għadhom qed juru l-preokkupazzjoni u l-inkwiet tagħhom għal din il-liġi, li se tkun saħansitra qed tesponi tfal u adolexxenti għal din id-droga li l-liġi tippermetti li tkun imħawla u mkabbra fid-djar residenzjali.

Sakemm morna għall-istampa lbieraħ filgħaxija, il-persuni li daħlu fis-sit tal-Parlament biex jiffirmaw il-petizzjoni kienu laħqu s-7,000. Il-petizzjoni, skont kif jitolbu r-regoli biex tkun tista’ ssir diskussjoni qabel il-vot tat-Tlieta fil-Parlament, se tingħalaq illum f’nofsinhar. Min għadu ma ffirmax il-petizzjoni jista’ jiffirma billi jidħol f’dan is-sit: https://parlament.mt/en/petition?id=146

L-appell tal-Oppożizzjoni

Sadanittant, nhar il-Ġimgħa li għadda, l-Oppożizzjoni, anki fl-interess tal-għaqdiet u akkademiċi li ffirmaw il-petizzjoni formalment, kitbet liċ-Chairman tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet, id-Deputat Laburista Joe Mizzi, biex b’mod urġenti u qabel jittieħed il-vot dwar il-liġi tal-cannabis it-Tlieta li ġej, jitlaqqa’ dan il-Kumitat.

Fl-ittra tagħha l-Oppożizzjoni fakkret li kull proċedura li teżisti fil-ħidma parlamentaqri tista’ tinbidel jew tiġi modifikata bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra. Stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista aktar tard, iffirmata mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar, tfisser li r-rifjut tat-talba biex il-Kumitat jitlaqqa’ b’urġenza jikkonferma l-għaġla tal-Gvern biex jgħaddi din il-liġi mingħajr ma jieħu konsiderazzjoni ta’ dak li għandhom xi jgħidu dawn l- għaqdiet u individwi.

L-istqarrija sostniet li din l-attitudni tkompli titfa’ aktar responsabbiltà fuq il-membri tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern biex jaraw x’jaqbel l-iktar għall-futur ta’ pajjiżna u ta’ wliedna.

L-emendi li qed jitolbu l-organizzazzjonijiet

Stqarrija mill-firmatarji tal-petizzjoni tgħid li l-Abbozz 241 intitolat ‘Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Cannabis’ fil-forma preżenti tiegħu se jistabbilixxi qafas regolatorju dgħajjef li jirriskja li jħalli impatt negattiv kbir fuq is-soċjetà tagħna, speċjalment fost it-tfal, iż-żgħażagħ u l-aktar vulnerabbli. Is-sitt emendi proposti għandhom l-għan li jsaħħu l-liġi billi joffru salvagwardji u protezzjoni akbar lil dawk li se jintlaqtu l-aktar b’mod negattiv.

Is-sitt punti li qed jiġu proposti huma dawn li ġejjin:

• Tiżdied l-età meta l-konsum tal-cannabis isir legali permezz tal-Abbozz minn 18 għal 25;
• Iżidu d-distanza tal-klabbs tal-cannabis minn skejjel, ċentri taż-żgħażagħ u istituzzjonijiet post-
sekondarji minn sempliċi 250 metru għal kilometru;
• Tirdoppja l-multa għat-tipjip tal-cannabis quddiem it-tfal u fil-pubbliku;
• Titneħħa l-possibbiltà permessa fil-liġi li l-cannabis titkabbar f’residenzi maġenb l-iskejjel;
• Ikun regolat l-ammont ta’ THC permess fil-cannabis;
• Titneħħa r-referenza għall-kampanji edukattivi msemmija fl-Abbozz ta’ Liġi biex tinżamm b’mod ċar is-sitwazzjoni preżenti fejn il-kampanji tal-Gvern dwar l-użu tad-droga jiffukaw esklussivament fuq miżuri ta’ prevenzjoni li jispjegaw ir-riskji tal-użu tal-cannabis.

Tags