Lokali

Is-56 edizzjoni tal-kompetizzjoni nazzjonali tal-fotografija

Bħalissa għaddejja is-56 edizzjoni tal-Kompetizzjoni u Esibizzjoni Nazzjonali tal-Fotografija organizzata mill-Malta Photographic Society f’Palazzo de La Salle fil-Belt Valletta.

Dan l-appuntament li jsir kull sena huwa l-uniku tax-xorta tiegħu f’pajjiżna u jattira għadd kbir ta’ fotografi lokali li jressqu l-aħjar xogħlijiet tagħhom biex jikkompetu għall-unuri mogħtija mis-Soċjetà tal-Fotografija.

Permezz ta’ dan l-avveniment, is-Soċjetà Fotografika qed tagħti spazju lill-fotografi membri tagħha u oħrajn li jħobbu din l-arti biex ikollhom xogħlhom esibit, li mhux dejjem faċli li jseħħ fuq bażi individwali.

Għal din is-sena, kien hemm għadd rekord ta’ parteċipanti li ssottomettew ir-ritratti tagħhom għal din il-kompetizzjoni fotografika. … fejn b’kollox ħadu sehem 81 fotografu b’iktar minn 720 ritratt li minnhom il-ġurija kellha tagħżel l-aħjar xogħlijiet biex jiġu esebiti f’Palazzo de la Salle.

Fis-swali artistiċi ta’ din il-binja, wieħed se jkun jista’ japprezza ’l fuq minn 100 ritratt ipprintjat u ffrejmjat kif ukoll iktar minn 150 ritratt diġitali li se jkunu qed jintwerew fuq monitor f’waħda mill-kmamar tas-swali fl-imsemmi post.

It-tema tar-ritratti hija vasta, u għalhekk wieħed se jsib suġġetti varjati fosthom ritratti li juru l-persuna umana, in-natura, l-arkitettura, pajsaġġi lokali u internazzjonali, kif ukoll ritratti aktar kreattivi.

Din l-esibizzjoni se tibqa miftuħa għall-pubbliku sal-Ħamis 23 ta’ Diċembru u umbagħad terġa’ tiftaħ bejn it-Tnejn 3 ta’ Jannar u l-Ġimgħa 7 ta’ Jannar, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9am u s-7pm u s-Sibtijiet bejn id-9am u s-2pm.

Tags