Lokali Qorti

Jinstab ħati f’ġuri fuq pusses aggravat ta’ kilo raża tal-kannabis

Raġel ta’ 32 sena li nhar il-Ħamis li għadda beda għaddej ġuri b’rabta mas-sejba ta’ kilo raża tal-kannabis li nstabet f’karozza sitt snin ilu, nstab ħati b’verdett ta’ 8-1 . Timothy Joseph Agius minn Santa Venera ma nstabx ħati iżda b’verdett ta’ 7-2 minn akkużi ta’ pusses ta’ droga li kien qed jiġi allegat li nstabet fir-residenza tiegħu.

F’dan il-ġuri l-ammont ta’ xhieda kienu minimi u kien għalhekk li l-ġuri ħa biss tliet ijiem biex jintemm bid-difiża tagħmel l-argumenti tagħha bir-replika tal-prosekuzzjoni u l-kelma tad-difiża bħas-soltu tkun waħda finali. Wara l-indirizz tal-Imħallef, il-ġurati ntbagħtu jiddeliberaw il-każ. Huma ħarġu bil-verdett ftit tal-ħin wara, tard is-Sibt wara nofs inhar.

Il-Pulizija kienet arrestat lil Agius fejn kienet xlietu wkoll li kellu ammont ta’ kokaina fil-pusses tiegħu. Timothy Joseph Agius kien tressaq fit-2 ta’ Ottubru 2015 quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud. Agius kien ġie akkużat li kellu fil-pussess tiegħu raża tal-cannabis, flimkien ma’ ammont mhux speċifikat ta’ kokaina, f’ċirkostanzi li jindikaw li l-ebda waħda minn din id-droga ma kienet maħsuba għall-użu personali tiegħu.

Il-prosekuzzjoni qalet li d-droga kienet instabet fil-lejl ta’ qabel ma kien tressaq fil-‘glove compartment’ ta’ karozza fi Triq Ħal Qormi, il-Ħamrun, minn membri tal-Iskwadra tad-Droga. L-Avukat Roberto Montalto li deher għall-akkużat mistenni li jagħmel diversi talbiet fil-Qorti nhar it-Tlieta fuq il-piena. Dan kien l-aħħar ġuri tas-sena.