Lokali

L-Isptar San Luqa f’telqa

Meta wiehed ihares minn barra l-bini tal-Isptar San Luqa ftit li xejn jara l-frott tas-suppost miljuni ta’ ewro li kellhom ikunu investiti biex minn bini antik isir faċilità medika ta’ klassi internazzjonali.

Hekk qalet il-gazzetta Sunday Times of Malta meta crew minn tagħha ħa ritratti tat-telqa li jinsab fiha wieħed mit-tliet sptarijiet li l-Gvern Laburista għadda lill-Vitals Global Healthcare.

Ir-ritratti ppubblikati juru twieqi mgħottija b’tabelli minflok ħġieġ, ħġieġ imkisser, iżda anke tabelli biex toqgħod attent, li ma jmurx jaqa’ fuqek xi ġebel.

Dan kollu jikkonferma t-tħassib ta’ ħafna – fosthom tal-Partit Nazzjonalista – wara li fl-2015, it-tliet sptarijiet ingħataw lil kumpanija bl-ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa.

Ta’ Vitals kienu ngħataw l-Isptarijiet San Luqa, Karin Grech u ta’ Għawdex mill-Gvern bil-wegħda ta’ investiment ta’ 200 miljun ewro. Madankollu, wara biss sentejn, dawn kienu trasferiti lil Steward Healthcare.

Ir-ritratti ppubblikati l-Ħadd jikkonfermaw filmati mxandra minn NET News aktar minn sena u nofs ilu – fi Frar tas-sena li għaddiet – li wkoll kienu urew it-telqa li tħalla fiha dak li xi darba kien l-Isptar ewlieni f’pajjiżna. U llum wieħed jista’ jinnota l-invażjoni ta’ ħamiem selvaġġ, filwaqt li t-taraġ tad-daħla ta’ wara hu nofsu imfarrak… b’ġebel imkisser.

Fil-Qorti bħalissa għadha għaddejja l-kawża li fetaħ l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia biex dawn it-tliet sptarijiet jerġgħu jkunu tal-poplu. Matulha, ftit tal-ġimgħat ilu rriżulta wkoll li ta’ Steward stess ammettew li l-kuntratt hu korrott u frawdolenti.

Dan anke fid-dawl tal-fatt li – grazzi għall-eks Ministru Konrad Mizzi – il-Gvern Laburista ntrabat li jagħti 100 miljun ewro lil ta’ Steward jekk il-kuntratt jitwaqqaf, anke jekk dawn jitilqu minn rajhom.

Ftehim li kien approvat mill-Kabinett kollu, fil-preżenza wkoll ta’ Robert Abela, li dak iż-żmien kien il-Konsulent tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Tags