Appell lill-Arċisqof biex jreġġa’ lura d-deċiżjoni li għamel fl-2017

It-Tnejn filgħodu, għexieren ta’ residenti Għawdxin flimkien mal-Moviment Graffiti nġabru quddiem il-Kurja, fejn talbu lill-Arċisqof Charles J Sciculna “jreġġa’ lura d-deċiżjoni tiegħu li ttieħdet fl-2017”… li jgħaddi l-kontroll ta’ Fondazzjoni medjevali lil dawk li qed ikunu msejħa ‘spekulaturi bla ħniena’ u jirrimedja is-sitwazzjoni li waqgħet f’ħoġor ir-residenti u bdiewi Għawdxin.

Din il-kwistjoni tmur lura għas-seklu sbatax meta n-nobbli Cosmana Navarra, ittrasferixxiet l-artijiet li kellha f’Fondazzjoni bl-isem ‘Abbazija di Sant’ Antonio delli Navarra.’ F’dawn it-trasferimenti, Cosmana Navarra speċifikat li l-Arċisqof ikollu s-setgħa li jaħtar rettur sabiex jamministra dawn l-artijiet għall-benefiċċju tal-Fondazzjoni.

Ġara li fl-1992, certu wieħed Richard Stagno Navarra sostna li kien dixxendenti ta’ Cosmana Navarra u bi dritt kellu jinħatar bħala rettur tal-fondazzjoni – iżda dan kien irreżistit mill-Kurja, li fetħet kawża l-Qorti u rebħitha.

Iżda fl-2017, bħal sajjetta fil-bnazzi l-Arċisqof irrikonoxxa lil Richard Stagno Navarra bħala dixxedent tan-nobli Cosmana Navarra u tah is-setgħa li jinnomina ir-rettur l-ġdid ta’ din il-Fondazzjoni …. Fondazzjoni li kienet ilha mmexxija mill-knisja għal 300 sena u li riċentement għaddiet għand kumpaniji privati.

Minħabba d-decisjoni tal-Arċisqof, l-imsejħa spekulaturi għaddew parti sostanzjali mill-lokalità tan-Nadur lill-kumpaniji privati, u d-djar ġew irreġistrati fuq isem ħaddieħor mal-Awtorità tal-Artijiet… bir-residenti jibżgħu li se jiffaċċjaw żgumbrament minn djarhom. Filfatt.. fl-aħħar xhur, diversi residenti tan-Nadur u l-Qala ġew avviċinati biex iħallsu somom kbar għall-propjeta’ tagħhom.

Ir-residenti issa qed jitolbu lill-Arċisqof biex ikeċċi lil Patrick Valentino mir-rettur tal-Abbazia, jibda azzjoni legali biex jiġu annullati t-trasferiment tal-art tal-Abbazia lil kumpaniji privati kif ukoll ifittex rimedji legali biex iħassar il-ftehim tal-2017 mal-ispekulaturi.

Intant fi stqarrija, il-Kurja qalet li ma setgħetx tkun taf minn qabel u jkollha kontroll fuq deċiżjoni tal-Aġenzija tar-Reġistru tal-Artijiet meħuda fl-2019, li wasslet biex jiġu rreġistrati artijiet f’Għawdex bil-konsegwenza li numru ta’ residenti huma inċerti dwar it-titlu legali ta’ darhom.

Dan l-iżvilupp mhux mistenni min-naħa tar-Reġistru tal-Artijiet, seħħ sentejn wara li ntlaħaq ftehim legali bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-eredi tal-fundatriċi tal-Abbazia San Antonio Delli Navarra, li kienet ilha tamministra l-art sa mill-1675. Ġie spjegat wkoll li kien wara li ntlaħaq dan il-ftehim li l-eredi rreġistraw l-artijiet f’isem il-fondazzjoni.