Internazzjonali

Baħar Baltiku: Ħabta bejn bastimenti li seta’ ħalla l-vittmi

Żewġ bastimenti tal-merkanzija ħabtu ma’ xulxin fil-Baħar Baltiku, fost rapporti li x’aktarx tilfu ħajjithom żewġ persuni li kienu fuq bastiment partikulari.

L-inċident seħħ f’zona ta’ baħar bejn il-belt ta’ Ystad, mal-kosta tan-nofsinar tal-Iżvezja u l-gżira Daniża ta’ Bornholm.

Filwaqt li diversi dgħajjes u ħelikopeters (li ntbagħtu mill-Iżvezja u d-Danimarka) kienu għaddejjin b’missjoni ta’ salvataġġ fiz-zona tal-inċident, baqgħu ma nstabux iż-żewġ persuni rappurtati neqsin u li kienu fuq il-bastiment Karin Hoej, li hu rreġistrat id-Danimarka.

Dan il-bastiment spiċċa nqaleb fuq ġenb wara l-ħabta mal-bastiment l-ieħor bl-isem Scot Carrier, li għandu reġistrazzjoni Britannika.

L-aħħar rapporti qalu li l-isforzi tas-salvataġġ waqfu ‘wara xi sigħat’ u fost konferma li l-membri kollha tal-ekwipaġġ fuq is-Scott Carrier jinsabu qawwijin u sħaħ.