Lokali

Bżonn ta’ pjan għas-settur tad-diżabbiltà f’Għawdex

“Għawdex m’għandux jipprova jsegwi l-mudell ta’ Malta imma għandu joħloq pjan għalih innifsu, speċifiku għal ħtiġijiet tiegħu.”

Dan qalitu l-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà Samantha Pace Gasan waqt konferenza li saret f’Għawdex.

Il-konferenza, bit-tema ‘A Stronger Voice for Disability – Vuċi aktar b’saħħtu għall-persuni b’diżabilità’ saret fil-Fondazzjoni Arka f’Għajnsielem. Din saret ġimgħa wara konferenza oħra bl-istess tema f’Malta.

Iż-żewġ konferenzi iffukaw fuq il-bżonn li l-NGOs u d-DPOs fis-settur tad-diżabbiltà jaħdmu aktar flimkien biex il-persuni b’diżabbiltà jkollhom vuċi aktar b’saħħtu u aktar magħqud.

Wieħed mir-riżultati tal-konferenza kien li Għawdex għandu joħloq pjan speċifiku għalih innifsu, li jikkunsidra wkoll intersectionality, minflok jipprova jara li jkun hemm eżatt l-istess servizzi li hemm Malta. Dan biex jiġi evitat ir-riskju li jsiru l-istess żbalji.

Maryrose Attard, persuna b’diżabbiltà u attivista għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà, semmiet eżempju ta’ programm li ma ħadimx tajjeb f’Għawdex minħabba li mhux biżżejjed persuni pparteċipaw. Sfidi oħrajn jinkludu n-nuqqas ta’ servizzi f’Għawdex; l-istigma madwar id-diżabbiltà, l-aċċessibbiltà fiżika u n-nuqqas ta’ premises addattati.

Matul il-konferenza, NGOs u DPOs jaħdmu fis-settur tad-diżabbiltà f’Għawdex kienu mistiedna li jipparteċipaw u jaqsmu opinjonijiet u idejat.

Samantha Pace Gasan semmiet li l-Kummissjoni se tkun qed issaħħaħ il-preżenza tagħha f’Għawdex bħala parti mis-strateġija interna tagħha fis-snin li ġejjin.

F’dawn l-ahhar xhur, hija ltaqgħet ma’ numru ta’ NGOs u DPOs b’mod individwali biex tiddentifika sfidi komuni, inkluż ma’ organizzazzjonijiet Għawdxin.

‘Persuni b’ diżabbiltà li jgħixu Għawdex għandhom sfida ta’ ‘double insularity’; aħna rridu naraw li jkollhom aċċess għas-servizzi li jinħtieġu, meta jinħtieġuhom’.

Pace Gasan tkellmet ukoll fuq ir-rwol tal-Kummissjoni bħala entità regolatorja nazzjonali għad-diżabbiltà f’Malta u Għawdex. Hija qalet li parti ċentrali mir-rwol tal-Kummissjoni huwa li tinvestiga rapporti li jsiru minn persuni b’diżabbiltà li jħossuhom diskriminati abbażi tad-diżabilità tagħhom.

Hija appellat lill-NGOs u d-DPOs preżenti biex jiġbdu l-attenzjoni tat-tim tal-Investigazzjonijiet tal-Kummissjoni meta jiltaqgħu ma’ każijiet ta’ allegati diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabbiltà ħalli din tkun tista’ tinvestiga l-każ.