Internazzjonali

Covid-19: ‘Emerġenza tal-Omicron’ fir-Renju Unit

Il-Prim Ministeru Britanniku Boris Johnson ħabbar li kull ċittadin fl-Ingilterra li għandu ‘il fuq minn 18-il sena se jkun offrut it-tilqima booster kontra l-Covid minn din il-ġimgħa. Johnson qal ukoll li l-pajjiż għaddej minn ‘emerġenza relatat mal-firxa tal-varjant Afrikan tal-Covid’ waqt li sostna li ‘kulħadd għandu jżomm allert għall-mewġa tal-Omicron (il-varjant) li qed javviċinahom’.

Il-Gvern Britanniku, sadanittant, qed jimplimenta programm fuq bażi nazzjonali bit-tama li kull adult li jrid il-booster jingħata t-tilqima sal-aħħar tax-xahar.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Sajid Javid, qal li talanqas għaxar persuni morda bl-Omicron kienu qed jinżammu l-isptar – bil-livell tal-allert dwar il-Covid jitla’ għal ‘erba’ fir-Renju Unit. Iż-żieda fil-livell hu dovut għall-firxa rapida tal-varjant Omicron, bil-Prim Ministru jikkonferma li ‘is-sitwazzjoni delikata waqt il-ġlieda kontra l-varjant Afrikan’.

Johnson spjega li għalkemm żewġ dożi tal-vaċċin mhumiex biżżejjed biex jagħtu biżżejjed protezzjoni kontra l-varjant, ix-xjenzati huma fiduċjużi li d-doża booster tipprovdi spinta sinifikanti lill-immunità tal-ġisem.

Sadanittant, u minkejja li l-Omicron hu aktar trasmissibbli mill-varjanti l-oħra tal-Covid, wieħed mill-aħħar studji sab li l-potenzjal ‘ta’ mard serju u mwiet’ dovuti għall-varjant ġdid hu pjuttost baxx fiċ-ċirkustanzi.

Fi żviluppi oħra, il-President tal-Afrika t’Isfel, Cyril Ramaphosa, qed jingħata t-trattament dovut wara li testja pożittiv għall-Covid-19, Għalissa, Ramaphosa, li qed ibati minn sintomi ħfief, qiegħed jgħix f’iżolament fil-belt ta’ Cape Town. L-Afrika t’isfel għaddiet minn spinta kbira ta’ infezzjonijiet mindu l-Omicron kien indikat għall-ewwel darba fl-artijiet tagħha matul ix-xahar li għadda.