Lokali

“Futur fejn infittxu aktar dak li jgħaqqadna milli dak li jifridna” – George Vella

Illum Malta qed tfakkar is-47 anniversarju ta’ Jum ir-Repubblika fejn wara l-parata mis-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-President ta’ Malta George Vella għamel id-diskors tiegħu fejn fost l-oħrajn kompla jappella għall-għaqda nazzjonali. Hawnhekk, hu ħabbar li dalwaqt se jwaqqaf Fondazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali, li se tipprovdi forum newtrali li fih jistgħu jinżammu diskussjonijiet fuq bosta suġġetti, u jitwettaq programm ta’ azzjoni biex jintlaħaq l-għan li jitnaqqsu d-differenzi bejnietna

“Aħna nixtiequ naraw il-ġid ekonomiku jitqassam bil-ħaqq u b’ekwità. Aħna nixtiequ li kulħadd jitqies indaqs u kulħadd igawdi l-istess drittijiet u rispetti. Aħna nixtiequ naraw futur fejn infittxu aktar dak li jgħaqqadna milli dak li jifridna. Aħna nixtiequ naraw futur fejn inħarsu ’l quddiem b’fiduċja qawwija f’xulxin. Din hi r-Repubblika ta’ Malta li nixtieq nara tiżviluppa matul is-snin li ġejjin. Dawn huma l-isfidi li għandna quddiemna bħala poplu sovran u responsabbli. Viva Malta Repubblika.” – Dan kien il-messaġġ tal-President ta’ Malta George Vella fid-diskors tiegħu f’Jum ir-Repubblika.. diskors li għalih attendew l-għola awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li kien akkumpanjat minn AnneMarie Grech.

U hekk kif fadal ftit xhur għal elezzjoni ġenerali, dan kien il-messaġġ tal-President ta’ Malta. “L-appell tiegħi huwa biex bil-kalma u b’rispett sħiħ lejn l-intelliġenza tal-poplu, inpoġġu quddiemu b’mod ċar u bla ekwivoki dawk il-programmi ta’ ħidma, u dawk il-linji politiċi, li wieħed ikun lest iwettaq jekk ikun magħżul biex imexxi. Nawgura li dawk l-istrutturi kostituzzjonali li għandhom l-obbligu li jaraw li l-proċess elettorali jitmexxa b’mod demokratiku, bħalma ġara fil-passat, iserrħu ras il-poplu li dan iseħħ. Dan nawgurah ukoll kemm għal min huwa responsabbli għall-bilanċ fix-xandir, kif ukoll lil dawk kollha responsabbli għall-ħarsien tal-ordni pubbliku.”

Appella biex il-Gvern ma jinjorax l-isfidi tal-inġustizzji u t-tbatijiet tal-poplu. Hawhekk, apparti l-problema tat-trasport u t-traffiku fil-gżejjer tagħna, semma wkoll dak li rajna jiġri f’pajjiżna tul l-aħħar snin vis a vis il-bini bla rażan. “Fuq quddiem nett hemm it-theddida tal-firxa tal-bini u l-kostruzzjoni li qiegħda tieħu dejjem aktar spazju mill-art agrikola u l-art verġni. Biex inħarsu s-sbuħija u s-sostenibilità ta’ pajjiżna rridu nsibu bilanċ bejn l-ambjent mibni u dak naturali. F’pajjiż żgħir bħal tagħna bil-pressjoni li teżisti kawża tal-iżvilupp ekonomiku, u l-livell għoli ta’ kwalità ta’ ħajja li ngħixu, mhux faċli jinstab dan il-bilanċ. Barra minn hekk teżisti għajta ġenerali biex il-bini ġdid li tiela’ jkollu aktar karattru, u ma jkomplix ikerrah il-madwar.”

Semma wkoll dak li verament qed jipprejokkupah… il-fatt li l-maġġoranza assoluta taż-żgħażagħ Maltin iridu jitilqu minn Malta. “Semmejt ftit mill-problemi li nara li qegħdin idejqu lill-poplu Malti u Għawdxi, u nazzarda nirrifletti jekk dawn humiex fost ir-raġunijiet għaliex dan l-aħħar qegħdin nisimgħu, xi ftit aktar mis-soltu, li ż-żgħażagħ tagħna jridu jitilqu minn pajjiżna. Aħbar bħal din lili, bħala Kap tal-Istat, tweġġagħni ħafna.”

George Vella fetaħ id-diskors tiegħu billi spjega li bħala President tar-Repubblika hu għandu poteri eżekuttivi limitati, u għalhekk iħoss li dak li jgħid u dak li jissuġġerixxi waqt konsultazzjonijiet siekta, ikollu valur aktar bħala parir li jġorr miegħu kunsiderazzjonijiet u ħsibijiet meqjusa, milli bl-istennija li dak li jgħid jiġi b’xi mod rifless awtomatikament f’xi leġiżlazzjoni.

Matul dan id-diskors, George Vella ma semma’ xejn dwar il-liġi kontroversjali tal-Kannabis li potenzjalment jista’ jkun qed jiffirma fi ftit jiem oħra.

Jum ir-Repubblika beda bil-parata mis-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta fi Triq ir-Repubblika. Mal-wasla tagħhom fi Pjazza San Ġorġ, is-suldati kienu spezzjonati mill-President ta’ Malta u ndaqq l-Innu Nazzjonali.