‘Is-snin bħall-aħwa: ma jixxibhux’, u mil-lum huma ħafna li jibdew ibassru t-temp għas-sena d-dieħla hekk kif fit-13 tax-xahar ta’ Diċembru huma għadd ta’ Maltin u Għawdxin li jbassru t-temp tas-sena d-dieħla permezz tal-irwiegel.
Kull ġurnata, mit-13 sal-24 tikkorrispondi lejn xahar partikolari tas-sena ta’ wara.
Il-jum jitqassam fi tlieta; filgħodu, waranofsinhar u filgħaxija li jfissru l-bidu, in-nofs u l-aħħar tax-xahar.
Imma dawn l-irwiegel ta’ min jorbot fuqhom?
Ta’ min jgħid li dan huwa biss tbassir, li qatt ma tista’ toqgħod fuqu mija fil-mija… Illum ħafna huma tal-fehma li l-irwiegel ma jaħdmux speċjalment minħabba l-bidliet fil-klima li għaddejja minnhom id-dinja, oħrajn għandhom opinjonijiet apparti.
F’Malta hawn numru ta’ qwiel li jixhdu s-sena kif se tkun foshom l-aktar li jintuża f’dan il-kuntest: ‘Jekk is-sena tkun ħażina l-muna taf tkun imgerfxa’. Dan ifisser, kif il-bdiewa jħobbu jgħidu, li jekk is-sena se tkun xotta, l-ikel se jkun skars u l-ħażna se tkun fqira, u jekk l-irwiegel jbassru dan, ifisser li se tkun sena iebsa għal dan kollu.
L-idea tal-irwiegel, mhux biss tinstab Malta, iżda hija tradizzjoni li ħafna bdiewa madwar l-Ewropa żammew. Insomma mit-13 ta’ Diċembru huma ħafna li jibdew jimmarkaw t-temp tal-jum… bit-tbassir u tama li s-sena d-dieħla l-istaġuni jkunu magħmulha minn bilanċ, mingħajr ebda estremitajiet.
//= $special ?>