Kull sena f’Jum ir-Repubblika, il-President ta’ Malta, f’isem il-poplu Malti, jagħti ġieħ pubbliku lil għadd ta’ Maltin li jiddistingwu ruħhom f’oqsma differenti tal-ħajja.
L-għola unur, din is-sena, jiġifieri il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika, meta tfakkar is-47 anniversarju ta’ Jum ir-Repubblika, ingħata lil ħdax-il persuna.
Fosthom, ingħata dan il-ġieħ, Neil Agius, l-għawwiem li f’Lulju kiser ir-rekord dinji tal-itwal għawma bla waqfien u mingħajr għajnuna, fuq distanza ta’ 125.6km mill-Italja għal Malta, fi ftit aktar minn 52 siegħa. L-għawma ta’ Agius kienet segwita minn madwar żewġ miljun persuna fejn irnexxielu jqajjem kuxjenza dwar it-tniġġis tal-plastik fil-baħar, permezz tal-kampanja Wave of Change.
Il-President ta’ Malta onora wkoll, bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika lil Philip Michael Chircop li ddedika parti kbira minn ħajtu jimmilita fis-setturi tas-Saħħa u l-Anzjani. F’Settembru tal-2013 huwa wettaq il-ħolma tiegħu meta waqqaf il-Fondazzjoni Nanniet Malta u l-ewwel Jum tanNanniet li jiġi ċċelebrat kull sena fuq livell nazzjonali nhar it-2 ta’ Ottubru.
Onorati wkoll Lino Farrugia, l-awtur Anton Grasso, ix-xandara Lilian Maistre, l-attriċi Jane Marshall, Charles Paul Muscat, il-coach Michael Pace, Connie Vella li għal dawn l-aħħar 30 sena, tat għajnuna lill-pazjenti minn Malta li jkunu qed jirċievu kura medika fi sptarijiet fl-Ingilterra. Onorati wkoll il-kirurgu Ethel Vento Zahra u l-edukatur Dr. Joe Zammit Ciantar.
Din is-sena, iċ-ċerimonja ta’ investitura saret fil-Palazz tal-President, il-Belt Valletta, wara l-Parata Ċerimonjali f’Misraħ San Ġorġ u matul iċ-ċerimonja, il-President ta’ Malta George Vella ta ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu lil ħmistax-il persuna, inkluż organizzazzjoni filwaqt li żewġ persuni ngħataw il-Midalja għall-Qlubija.
Din tal-aħħar ingħatat lit-tabib Raymond Grixti u Sean Meli talli salva żagħżugħ ta’ nazzjonalità Ċiniża li nġarr fil-baħar fi Qui-Si-Sana, Tas-Sliema fl-aħħar ġimgħat. Fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu kienu onorati Reno Calleja, il-Professur Sir Alfred Cuschieri, il-Professur Ludvic Zrinzo, l-Onorevoli Darrin Quiroz Camilleri, il-Professur Lino Bianco, il-Professur Joseph Cacciottolo, Frederick Fearne, Norman Hamilton, it-tabib Jonathan Joslin, it-tabib Michael Spiteri, Patri Ġwann Xerri, il-Professur Edward Zammit u St. John Rescue Corps.
//= $special ?>