Futbol Sport

PSG v R. Madrid il-partita prinċipali: wara li l-poloz ta’ Champions League ittellgħu darbtejn wara żball banali

Żball banali u tal-mistħija li wassal għal konfużjoni waqt it-tlugħ tal-poloz tar-Round tas-16 wasslu l-UEFA tiddeċiedi li terġa’ ttella’ l-poloz bil-partita prinċipali ta’ l-aħħar 16 tkun dik bejn Paris St. Germain u Real Madrid, bil-Franċiżi jkunu telgħu kontra Manchester United meta saret it-taħwida. Partita oħra mistennija hija dik bejn Inter u Liverpool.

Fuq l-iżball li xegħel il-media soċjali klollox beda meta Manchester United ittellgħu biex jilagħbu kontra Villarreal, xi ħaġa li ma setgħetx issir minħabba li l-United kienu diġà ltaqgħu mmagħhom fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni. Tbażwira oħra kienet li Liverpool kienu impoġġija f’polza li setgħu jiġu ma’ Atlético Madrid li kienu flimkien fil-grupp.

Kien l-istazzjon Sky Sports News li bagħt talba għall-kjarifika lill-UEFA dwar dak li seħħ fit-tlugħ tal-poloz. Dan kollu wassal lill-UEFA biex tħassar il-poloz li ttellgħu f’12:00pm. u reġgħet tellgħet kollox mill-ġdid fit-3.00pm. Fi stqarrija uffiċjali, il-UEFA qalet li l-iżball seħħ minħabba problema teknika.

Qalu li l-problema kienet fis-sofware tas-service provider estern li jagħti struzzjonijiet lill-uffiċjali dwar min huma dawk it-teams li huma eliġibbli li jistgħu jilgħabu kontra xulxin. Minħabba f’hekk ġie ddikjarat li l-poloz ġew nulli u li riedu jittellgħu mill-ġdid. Kienu ħafna minn madwar id-dinja li marru fuq il-media soċjali u qalu li din kienet ħadma minn naħa tal-UEFA.

Fost il-kummenti kien hemm li l-UEFA ħadmet kollox biex ikun hemm inkontru bejn Ronaldo u Messi u kummenti oħra li saħansitra żeffnu lil Formula 1 fin-nofs b’ħafna jgħidu li l-isport tilef il-kreddibilità tiegħu, “wara li l-ħadma li saret lil Louis Hamilton ġurnata qabel li telfitu milli jsir Champion tad-Dinja.

Il-poloz kellhom jaraw li teams mill-istess pajjiżi ma jiġux kontra xulxin u lanqas teams li kienu fl-istadju tal-gruppi ma setgħu jiġu kontra xulxin. Dawn huma l-poloz riveduti: RB Salzburg v Bayern Munich; Sporting Lisbon v Manchester City; Benfica v Ajax;n Chelsea v Lille; Atletico Madrid v Manchester United ; Villarreal v Juventus ; Inter Milan v Liverpool u PSG v Real Madrid. 

L-ewwel partiti mir-round ta’ l-aħħar 16 se jintlagħbu it-Tlieta, 15 ta’ Frar u l-għada l-Erbgħa. It-tieni ‘batch’ huma skedati għal ġimgħa wara. It-tieni legs se jsiru t-Tlieta 8 ta’ Marzu u l-Għada l-Erbgħa. Aktar tard dik il-ġimgħa se jitilgħu l-poloz tasl-kwarti tal-finali u s-semi-finali.