Internazzjonali

Russja: Eks-student itajjar l-isplussivi fi skola

L-awtoritajiet fil-pajjiż qed jinvestigaw inċident fejn adolexxenti Russu tajjar l-isplussivi fi skola mmexxija minn Ordni reliġjuża Ortodossa u li tinsab viċin kunvent, fil-limiti ta’ Moska.

Numru ta’ nies sfaw midruba fl-isplużjoni, bil-Ministeru għall-Intern Russu jtenni li l-aggressur – gradwat minn dik l-iskola u li għandu 18-il sena – ‘baqa’ ħaj wara li kien ipprova jtajjar lilu nnifsu’. Intant, ir-rapporti qalu li ż-żgħażugħ kien qed jinżamm l-isptar f’kundizzoni kritika.

L-iskola fil-mira tal-attakk tinsab fl-inħawi ta’ Serpukhov, bil-Ministeru jsostni li l-midruba fl-inċident x’aktarx li qabżu t-12-il persuna. Intant, xi sorsi qalu li l-attakk seta’ kien dovut  ‘għas-sens ta’ rabja u mibgħeda li l-adolexxenti għandu għall-għalliema u l-istudenti ta’ dik l-iskola’.