Internazzjonali

Russja-Ukrajna: Vladimir Putin iqabbel iz-zona tal-gwerra fid-Donbas ma’ ġenoċidju

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qed iħarrax kliemu – u l-pożizzjoni – dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, fost kummenti li ‘il-gwerra fl-inħawi tad-Donbas (fil-lvant tal-Ukrajna) qed tqarreb sitwazzjoni ta’ ġenoċidju’.

Dan meta l-Istati Uniti u l-Punent għadhom imħassbin dwar il-movimenti ta’ mijiet ta’ truppi Russi mal-fruntiera tal-Ukrajna u meta kibret il-biża’ li l-qawwiet tar-Russja jistgħu, ‘il quddiem, jinvadu lit-territorji Ukreni.

Intant, ir-ribelli separatisti fid-Donbas – li qed jappoġġjaw lill-Gvern ta’ Moska – ilhom mill-2014 jiġġieldu kontra l-Armata tal-Ukrajna. It-tensjoni, fl-istess ħin, żdiedet sew bil-preżenza tat-truppi Russi mal-fruntiera minkejja li r-Russja għadha tiċħad li għandha intenzjoni li tinvadi lill-Ukrajna.

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, iddiskuta l-aħħar djalogu li kellu ma’ Putin waqt telefonata lill-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelenski.

Fil-fatt, il-video-call bejn Biden u Putin qed jitqies bħala tentattiv biex tonqos it-tensjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna – bl-Istati Uniti u l-alleati tagħha mill-ġdid iwissu li Moska għandha tkun suġġetta għal sanzjonijiet iebsa f’każ li r-Russi jattakkaw lill-Ukrajna.

Iżda r-Russja kienet u għadha qed takkuża lill-Ukrajna dwar ‘provokazzjoni’ u ‘attentati biex taqla l-inkwiet ‘ ma’ Moska.

Dan waqt li Moska qed tkompli tfittex il-garanziji li l-Alleanza tan-NATO ( tal-Punent) ma tespandix aktar lejn ir-reġjuni Ewropej tal-Lvant – u biex l-armamenti tan-NATO ma jkunux stazzjonati qrib tar-Russja.

L-awtoritajiet fl-Ukrajna, issa, qalu li r-Russja kapaċi qed tippjana offensiva militari kontra pajjiżhom lejn l-aħħar ta’ Jannar.

Fl-istess ħin, uffiċjali fl-Istati Uniti qalu li għadu mhux ċar jekk il-President Putin wasalx għal deċiżjoni partikulari konnessa mal-kriżi u fid-dawl tal-aħħar żviluppi.