Sa dalgħodu, fl-10am, is-56 għaqda u individwi li qed jitolbu li jkunu kkunsidrati emendi fil-Liġi dwar l-Użu tal-Kannabis baqgħu ma rċievew l-ebda risposta għall-ittra tagħhom liċ-Chairman tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet Joe Mizzi u l-membri tal-istess Kumitat biex tingħalaq il-petizzjoni li qed tipproponi dawn l-emendi u tkun diskussa mill-Kumitat.
Fi stqarrija, dawn qalu li skont in-numru 6.1 tal-linji gwida tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Petizzjonijiiet, “Meta tiġi kkreata petizzjoni online, b’mod awtomatiku din tkun miftuħa għall-firem għall-perjodu ta’ 60 ġurnata. F’każ li wieħed ikun jixtieq iqassar jew itawwal dan il-perjodu, għandha ssir talba lill-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet”.
Barra minhekk, skont klawżola 7.2, il-Kumitat jista’ jiddeċiedi li jsejjaħ lill-petizzjonant biex jidher quddiem il-Kumitat. Jista’ wkoll jitlob li l-petizzjonant jagħmel preżentazzjoni fil-qosor u/jew iwieġeb xi domandi tal-Membri tal-istess Kumitat. Petizzjonant li jiġi mgħajjat biex jidher quddiem il-Kumitat jista’ jitlob li jkun assistit minn persuna oħra, liema persuna tista’ tintervjeni biss bil-permess tal-Kumitat.
B’ittra mibgħuta lid-Deputat Joe Mizzi, l-għaqdiet talbu li jiġu implimentati klawżoli 6.1 u 7.2 tal-linji gwida biex tingħalaq il-petizzjoni u tiġi diskussa mill-Kumitat. Dan biex il-petizzjoni tiġi diskussa qabel ma’ jsir it-Tielet Qari tal-Liġi. Madankollu, jidher ċar li l-Gvern se jinjora din it-talba u jgħaddi l-Liġi b’mod mgħaġġel u mingħajr l-ebda konsultazzjoni reali mal-ħafna stakeholders li semmgħu leħinhom.
Sakemm baqgħu jinġabru il-firem, f’ħamest ijiem biss, aktar minn 9,375 ċittadin iffirmaw il-petizzjoni lill-Parlament biex isiru emendi għall-Abbozz ta’ Liġi 241. Psikjatri, tobba, infermieri, social workers, spiżjara, korpi kostitwiti, NGOs li jaħdmu fil-qasam tal-prevenzjoni u l-kura, kif ukoll bosta għaqdiet oħrajn għaddew l-emendi tagħhom lill-Gvern, li baqa’ m’aċċetta l-ebda emenda waħda u ddeċieda li jisma’ primarjament minn għaqda waħda, li hi r-Relief.
Jekk din il-Liġi tgħaddi kif inhi, se jkollha konsegwenzi serji ħafna fuq is-saħħa mentali ta’ ħafna żgħażagħ u adulti, kif ukoll se tippromwovi kultura tal-konsum tad-droga. L-organizzazzjonijiet kollha huma favur id-dekriminilizzazzjoni tal-persuni li jikkonsmaw il-kannabis. Din il-Liġi qed tiġi ppreżentata bħala Liġi progressista għal pajjiżna, iżda se tħalli konsegwenzi negattivi ħafna għall-wellbeing tal-poplu Malti u Għawdxi, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>