Dalgħodu fid-9.30am beda jitlaqqa’ b’urġenza l-Kumitat Parlamentari għall-Istandards Pubbliċi.
Il-Kumitat qed jiltaqa’ sabiex jiddiskuti r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler dwar ksur ta’ Etika mill-Ministru Justyne Caruana.
Fil-bidu tas-seduta, saret diskussjoni dwar partijiet tar-rapport Hyzler illi l-Ispeaker xtaq jelimina. Dan minħabba materji personali.
Il-membri tal-Gvern qalu l-persuna li għamlet l-ilment dwar il-kuntratt skandaluż mogħti minn Justyne Caruana – Alison Bogdanovic – tat ix-xhieda minn jeddha. Bi Glenn Bedingfield jindika li ma xtaqx li d-dettalji joħorġu.
Minn naħa tagħhom, Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia insistew li għandha tinżamm ix-xhieda li tat il-mara ta’ Daniel Bogdanovic u jekk veru jinħass il-bżonn, jitneħħew biss elementi żgħar – dejjem jekk ikun hemm qbil. Għalkemm fil-prinċipju, ir-rapport Hyzler dwar il-Ministru Caruana għadu jiġi ppubblikat kollu.
Eventwalment, kien hemm qbil li titneħħa parti waħda partikolari mir-rapport.
Kien konfermat ukoll li l-Kummissarju Hyzler se jidher biex jagħmel preżentazzjoni fis-seduta li jmiss.
X’nafu s’issa?
Ir-rapport ta’ George Hyzler juri biċ-ċar li l-Ministru kisret ir-regoli tal-etika,kif ukoll kif għalkemm Bogdanovic tħallas b’mod tajjeb biex jirrevedi l-Iskola Nazzjonali tal-Isport, lanqas biss kien hu li kiteb ir-rapport. Mhux talli hekk, talli mbagħad gideb ripetutament meta mistoqsi dwar dan.
Ir-rapport tal-Kummissarju jgħid li saret ħidma biex tinħeba l-inkompetenza ta’ Bogdanovic u li x-xogħol li tħallas għalih sar minn wieħed mill-konsulenti ta’ Justyne Caruana, Paul Debattista u mhux mill-ħabib tagħha Bogdanovic.
Il-Kumitat tal-Istandards ikun presedut mill-Ispeaker tal-Kamra, bil-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom żewġ rappreżentanti kull wieħed fuq dan l-istess Kumitat.
//= $special ?>