Lokali

Disa’ żgħażagħ jinqabdu mill-Pulizija jagħtu n-nar fi sptar privat

Azzjoni f’waqta mill-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit wasslet biex inqabdu disa’ żgħażagħ waqt li allegatament kienu qegħdin jagħtu n-nar f’binja abbandunata f’Santa Venera.

Ilbieraħ, għall-ħabta tat-3pm il-Pulizija ġew infurmati li kien hemm xi żgħażagħ li daħlu f’dik li kienet binja ta’ sptar privat u bdew iqabbdu xi kmamar.

Għaldaqstant il-Pulizija marru minnufih fuq il-post fejn innutaw numru ta’ ġuvintur, li l-etajiet tagħhom tvarja bejn il-15-il sena u l-20 sena, ħerġin mill-binja u ġew miżmuma.

Fuq il-post issejħu l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw in-nirien.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Monica Vella, li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.