Ir-rapport bid-dokumentazzjoni kollha tiegħu kif magħmul mill-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler, ħlief għal sentenza, dwar il-każ tal-Ministru Justyne Caruana se jkun pubblikat kollu iżda b’appell lill-media biex ma tippubblikax partijiet sensittivi u familjari.
Din id-deċiżjoni kienet meħuda f’laqgħa urġenti tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ġħajja Pubblika preseduta mill-Ispeaker Anġlu Farrugia. Il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler sab lill-Ministru Caruana ħatja li kisret il-kodiċi ta’ etika meta tat kuntratt b’direct order ta’ €15,000 lis-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovic Il-Gvern kien rappreżentat mill-Ministru Edward Zammit Lewis u l-Whip Laburista Glenn Bedingfield waqt li l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mid-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia.
Karol Aquilina ppropona li r-rapport tal-Kummissarju George Hyzler ikun pubblikat b’mod immedjat waqt li Glenn Bedingfield qabel ma’ din il-proposta għalkemm oġġezzjona għall-fatt li partijiet mir-rapport kien diġà żvelat fil-media.
Therese Comodini Cachia pproponiet li m għandux ikun biss ir-rapport li jkun pubblikat iżda d-dokumentazzjoni kollha kif qed jipproponi l-istess Kummissarju Hyzler. L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li quddiem il-qbil li r-rapport ikun pubblikat u kompla li jista’ jkun hemm dettalji personali fuq membri tal-familja fid-dokumentazzjoni li m’għandhomx ikunu pubblikati. Hu qal li hemm żewġ partijiet li għalihom hu għandu oġġezzjoni. Karol Aquilina qal li l-Kumitat għandu jappella lill-media biex ma jippubblikawx dawn il-partijiet iżda r-rapport għandu jkun pubblikat.
Glenn Bedingfield oġġezzjona li d-dokumentazzjoni tkun pubblikata kollha. Fuq talba tad-deputat Laburista Glenn Bedingfield il-kumitat kien sospiż. Wara s-sospenzjoni Glenn Beddingfield baqa’ jsosnti li d-dokumentazzjoni m’għandhiex tkun ippubblikata minħabba li hemm informazzjoni ta’ natura familjari. Hu sostna li fir-rapport l-Kummissarju Hyzler ippubblika dak kollu rilevanti u għandha tintwera kompassjoni mal-familja. Comodini Cachia qalet li l-persuna li għamlet l-ilment, is-Sinjura Bogdanovic, kienet taf għal xhix dieħla meta għamlet l-ilment u għalhekk r-rapport kollu għandu jkun pubblikat fl-interess tas-soċjetà u tal-kontabilità.
L-Ispeaker qal li l-Kumitat għandu jippubblika dak kollu li ppropona l-Kummissarju Hyzler mingħajr kwistjonijiet ta’ natura personali. Il-Kumitat appella lill-media biex tkun sensittiva meta tiġi biex titratta dan ir-rapport u d-dokumentazzjoni. Il-Kumitat qabel li jkun pubblikat kollu għalkemm kien hemm oġġezzjonijiet mid-deputati Laburisti. Il-Kumitat se jiddiskuti r-rapport f’seduta aktar tard meta mistenni jixhed il-Kummissarju Hyzler.
//= $special ?>