Ir-reazzjoni ta’ Robert Abela għar-rapport dwar l-abbuż tal-poter minn Justyne Caruana ma titwemminx. Skontu, ir-rapport mhux konklussiv, meta fil-verità qed ikun rakkomandat lill-Pulizija li jieħdu azzjoni. Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech permezz ta’ messaġġ fuq il-media soċjali.
Bernard Grech qal illi skont Robert Abela, għandna nistennew lill-Kumitat jagħti l-verdett tiegħu meta l-membri tiegħu fil-kumitat se jivvutaw kif jgħidilhom hu. “Robert Abela qed jgħid li mexa differenti ma’ Rosianne Cutajar għax kien hemm Yorgen Fenech involut, bħallikieku Yorgen Fenech ma kienx involut ukoll fl-iskandlu ta’ Edward Zammit Lewis.”
Il-Kap tal-PN qal li l-messaġġ li qed jibgħat Robert Abela huwa ċar: l-abbuż tal-poter huwa aċċettat taħt it-tmexxija tiegħu.Robert Abela qed jimxi eżatt kif mexa Joseph Muscat ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Kontinwità fil-korruzzjoni.
“Qed jużaw flus il-poplu biex huma u sħabhom isiru sinjuri malajr.”
Il-Kap tal-PN insista li filwaqt li l-bqija tal-poplu ibatu biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, u l-għalliema jitilqu l-professjoni tagħhom minħabba l-paga miżera li jaqilgħu, bl-edukazzjoni ta’ wliedna tkompli tmur minn taħt.
