Lokali

Iċċelebrat l-20 Anniversarju tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni

L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, l-MCA, iċċelebrat l-20 sena anniversarju tagħha b’konferenza ‘hybrid’ fil-25 ta’ Novembru, bl-iskop li tinstiga diskussjoni dwar il-viżjoni tal-Awtorità bil-kontribut ta’ esperti lokali kif ukoll internazzjonali. Il-Konferenza kellha t-tema ‘Unlocking Digital Value for Society’.

Opportunitajiet, Sfidi u Viżjoni Lejn il-Futur

Il-Kap Eżekuttiv tal-MCA, Jesmond Buġeja fetaħ il-konferenza b’messaġġ ta’ tama lejn il-futur, fejn qal li, “20 sena mimlija sfidi li ġew trasformati f’opportunitajiet, rawwmu l-investiment u poġġew lil Malta bħala waħda mill-pajjiżi mexxejja fil-qasam tal- konnettività fl-Ewropa. Il-futur saħansitra jwiegħed aktar kisbiet eċċitanti bil-miġja ta’ teknoloġiji trasformattivi bħall-5G li kapaċi jiftħu dinja ġdida ta’ opportunità.”

F’messaġġ irrikordjat għal din l-okkażjoni speċjali, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, l-Onor. Silvio Schembri, irrikonoxxa li, “Malta dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tappoġġja l-introduzzjoni tal- l-aktar teknoloġiji moderni, billi tippromowvi l-innovazzjoni u aktar għażliet għall-konsumaturi. Ir-reputazzjoni ta’ Malta f’dan il-qasam fi ħdan l-Unjoni Ewropea kienet saħansitra rikonoxxuta mill-Kummissjoni Ewropea fl-aktar indiċi riċenti tad-Digital Economy and Society Index (DESI), li jistqarr li Malta diġà laħqet l-għanijiet tat-“2025 Gigabit society”.

Id-diskussjonijiet ta’ filgħodu ħarsu lejn l-opportunitajiet u sfidi diġitali mistennija fl-għaxar snin li ġejjin. Il-kelliema esploraw x’azzjonijiet għandhom jittieħdu biex jinkoraġġixxu l-investiment fl-innovazzjoni teknoloġika u jingħata l-akbar valur liċ-ċittadini.

Is-sessjoni ta’ wara nofsinhar ħarset lejn kwistjonijiet kontemporanji relatati mas-servizzi diġitali, kif regolati mill-MCA. Ingħatat preżentazzjoni dwar il-viżjoni strateġika tal-MCA għas-suq lokali tal-kummerċ elettroniku, segwita minn diskussjoni bejn esperti dwar il- valur tas-servizzi diġitali għas-soċjetà, l-opportunitajiet u l-isfidi preżenti li qed niltaqgħħu magħhom f’xenarji ta’ kuljum. L-aħħar diskussjoni tal- ġurnata ffukat fuq il-ħtiġijiet attwali ta’ persuni b’diżabilità, speċjalment fil-qasam diġitali.

F’ messaġġ tal-konklużjoni għall-ġurnata, Roberto Viola, Direttur Ġenerali ta’ DG CONNECT tal-Kummissjoni Ewropea, ingħaqad mal-konferenza b’mod virtwali biex jirringrazzja lill-MCA għall-ħidma tagħha u stqarr li l-MCA “għandha tkun kburija li f’dawn l-aħħar snin, Malta imxiet il-quddiem għas-sitt post fl-Ewropa f’rigward ta’ diġitazzazzjoni.”

Il-proċedimenti tal-ġurnata sħiħa ġew tradotti fil-lingwa tas-sinjali mill-Aġenzija Sapport, u l-filmat jinsab fuq il-paġna ta’ YouTube tal-MCA: https://www.youtube.com/watch?v=45cfLibf_v.