“Illum ġie ppreżentat rapport ieħor tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika li jiffoka fuq in-negozjati li wasslu biex ingħatat il-konċessjoni tal-isptarijiet lil Vitals. Din hija konferma oħra tal-ħniżrijiet li saru mill-Gvern. Ir-rapport ippreżentat illum huwa t-tieni parti ta’ rapport li l-ewwel parti tiegħu diġa ġiet ippublikata. Ir-rapport ta’ llum ikompli jikkonferma kif dan il-ftehim kien maħsub biex ifalli.”
Hekk saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt id-dikjarazzjoni tal-vot fir-rigward għall-budget allokat lill-Ministeru tas-Saħħa.
Bernard Grech saħaq li wara l-ammissjonijiet mill-qorti tal-istess Steward healthcare u l-konklużjonijiet tal-awditur ġenerali li ddikjara li l-kuntratt sar bi ksur tar-regoli u mingħajr ma jassigura valur għall-flus taċ-ċittadin – il-gvern ma jistax jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn u jibqa’ jalloka l-miljuni fil-baġit li qed nivvutaw għalih illum. Wara li ħareġ biċ-ċar fir-rapport tal-awditur ġenerali li l-kuntratt tal-vitals ma jagħtix valur ghall-flus – f’dan il-baġit – il-gvern qed jerġa jitfa’ 69 miljun ewro fis-sena fuq kuntratt li l-awditur ġenerali stess qed jghidilna li sar bi ksur tal-liġi.
“Jekk ikompli jitfa’ l-flus fuq kuntratt illegali mela l-membri kollha tal-gvern qed jirrendu ruħhom kompliċi fis-serq u l-illegalità a spejjeż tal-poplu Malti. Il-Prim Ministru għandu responsabbiltá jassigura li l-flus tal-poplu jintefqu sew u fl-aħjar interess tal-poplu stess.”
Bernard Grech qal li l-Prim Ministru ma jistax jittieħed bis-serjeta’ jekk fil-vot ta’ llum jivvota ma’ Konrad Mizzi, il-moħħ wara dan l-iskandlu u li li r-rapport tal-NAO għadu kif qalilna li irrifjuta li jiltaqa’ magħhom u rrifjuta wkoll li jgħaddi dokumentazzjoni importanti meħtieġa biex setgħet issir investigazzjoni serja u kif jixraq.
Il-Prim Minsitru ma setgħax jivvota ma’ Konrad Mizzi li ta garanzija li jħallas mitt mijun ewro minn flus il-poplu jekk dan il-kuntratt jiġi tterminat.
L-allokazzjoni ta’ aktar miljuni lil kuntratt li diġà huwa problema kbira, bla kontroll u bla riżultat liċ-ċittadin huwa att gravi politikament u legalment li aħna obbligati nevitaw għax ma rridux il-poplu jkompli jiġi misruq.
Din m’hijiex azzjoni kontra l-pagi leġittimi tal-ħaddiema li tant jirsistu biex jaqdu dmirhom anke f’kundizzjonijiet li suppost ġew imwiegħda li kellhom jitjiebu. Aħna rridu li dan il-kuntratt jitwaqqaf propju biex dawn il-ħaddiema jibqa’ jkollhom xogħolhom assigurat f’ambjent li jixraq lilhom u lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni.
//= $special ?>