Lokali Saħħa

“Il-konċessjoni falliet milli tilħaq l-għanijiet” – Il-Gvern b’kundanna oħra fuq il-ħadma tal-isptarijiet

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika wera t-tħassib serju tiegħu dwar il-proċess ta’ negozjar bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare, liema proċess baqa’ mistur minħabba n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni miżmuma u perspettivi kunflinġenti ta’ dawk involuti.

In-nuqqas ta’ viżibilità kattar l-inkwiet tal-Awditur Ġenerali fl-isfond tat-tibdil jew żidiet fil-kuntratti li biddlu n-natura tal-konċessjoni, biddlu l-livell ta’ riskju miżmum mill-partijiet, jew ħallew impatt fuq elementi operattivi u finanzjarji, kif ukoll fuq il-profitabiltà tal-proġett meta mqabbel ma’ dak mitlub fit-talba għal proposti (RfP).

Iktar gravi kien in-nuqqas tar-rappreżentanti tal-Gvern milli jitħaddtu ma’ partijiet li kellhom interess kritiku fil-proġett. Dan wassal biex il-konċessjoni falliet milli tilħaq l-għanijiet tagħha, kemm fit-titjib tal-infrastruttura tas-saħħa u kemm fil-klassifikazzjoni tal-konċessjoni, bin-nefqa kapitali tal-VGH fuq il-proġett reġistrat fuq il-kotba tal-Gvern.

Id-dikotomija li tikkaratterizza dan il-proġett, bid-diviżjoni tal-Enerġija fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa tieħu ħsieb l-investiment kapitali u d-diviżjoni tas-Saħħa fi ħdan l-istess Ministeru inkarigata bit-tmexxija operattiva, ħolqot kuntest ideali biex il-Vitals tisfrutta d-dgħufijiet tal-Gvern. Din wasslet għal konċessjoni li ma setgħetx titwettaq, li baqgħet sfida impossibbli u sitwazzjoni irriparabbli għall-Gvern, li d-dgħufija amministrattiva u politika tiegħu ġiet sfruttata b’mod faċli mill-Vitals Global Healthcare.

Dan kollu ħareġ fi stqarrija tal-NAO li fiha ħabbar li t-tieni parti tar-rapport tiegħu fuq il-ħadma tal-isptarijiet ġie mqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti, bl-Awditur Ġenerali jgħid li l-ebda mill-miri tal-konċessjoni ma ntlaħqet fil-perjodu li fih il-konċessjoni kienet taħt il-kontroll tal-VGH hekk kif in-nuqqas ta’ ħila tal-Vitals li tassigura finanzjament kien il-qofol tal-fallimenti kollha sussegwenti ta’ din il-konċessjoni min-naħa tal-Gvern. Il-wegħdiet kollha tal-VGH dwar it-titjib mistenni fl-infrastruttura u s-servizzi ma setgħux jintlaħqu minħabba dan in-nuqqas.

L-approvazzjoni tal-Gvern tad-difetti evidenti tal-VGH weriet nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Gvern. F’dan il-każ, ir-rappreżentanti tal-Gvern, minn wara dahar il-Kabinett, approvaw diversi waivers għall-bżonn li jingħata l-finanzjament, u b’hekk komplew isostnu l-falliment li din il-konċessjoni ġiet tirrappreżenta.

Tħassib ieħor tal-Awditur Ġenerali huwa dwar il-qafas kuntrattwali li kellu jirregola l-konċessjoni. Kien hemm differenzi kbar bejn dak mistqarr fl-RfP u dak miktub fis-Services Concession Agreement u emendi sussegwenti, li biddlu sostanzjalment il-kontroll tal-Gvern fuq it-tlestija tax-xogħlijet tal-konċessjoni. Il-bidliet li saru b’mod konsistenti kienu biss fl-interess tal-VGH, bil-Gvern imqiegħed f’pożizzjoni fejn kien impossibbli biex iżomm lill-Konċessjonarju responsabbli għal dak li kellu jwettaq.

Għalkemm il-Gvern fassal is-servizzi tas-saħħa li kellhom jiġu pprovduti mill-konċessjoni permezz tal-Health Services Delivery Agreement, dawn malajr inbidlu. It-tibdiliet kienu konsistentament negattivi għall-Gvern, bi tnaqqis sinifikanti fis-servizzi li kellhom jiġu pprovduti mill-VGH mingħajr ebda bidla filkumpens dovut u żieda fin-numru ta’ sodod garantiti għall-użu mill-Gvern flimkien ma’ żieda korrispondenti fl-ammont pagabbli lill-VGH.

Il-Labour Supply Agreement stipula li l-impjegati tal-Gvern li kienu se jiġu mislufa lill-VGH taħt dan il-ftehim kellhom ikomplu jibbenefikaw mill-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-uffiċjali pubbliċi. Madankollu, evidenti għall-NAO fil-verifika tiegħu ta’ dan il-ftehim kien in-nuqqas ta’ tħejjija min-naħa tal-Gvern għal din il-konċessjoni. L-aktar li deher dan in-nuqqas kien fir-rigward tad-diskrepanza bejn ir-riżorsi allokati lill-VGH mill-Gvern u l-ħlas li kellu jiġi rkuprat. Id-diskrepanza li nħolqot tħallset minn fondi pubbliċi.

L-NAO wasal għall-fehma li l-ebda valutazzjoni tas-siti ma saret mill-Gvern qabel it-trasferiment tagħhom permezz taċ-Ċens Perpetwu. L-NAO huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ qbil bejn il-perjodu tal-konċessjoni ta’ 30 sena u t-titolu potenzjali ta’ 99 sena mogħti fuq is-siti u jekk il-Gvern hux se jilħaq l-benefiċċji ekonomiċi previsti permezz ta’ użu kontinwu għat-turiżmu mediku.

L-ex Ministru Konrad Mizzi ma laqax id-diversi talbiet għal-laqgħat li sarulu mill-Awditur Ġenerali. Il-gravità ta’ dan in-nuqqas kien evidenti fir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika minħabba r-rwol ċentrali li kellu Konrad Mizzi f’din il-konċessjoni. In-nuqqas tiegħu li jattendi għad-diversi talbiet li saru mill-Awditur Ġenerali kien meqjus bħala falliment serju f’dak li għandu x’jaqsam mal-livell ta’ responsabiltà mistenni minn eks-ministru tal-Gvern u f’dak li għandu x’jaqsam mal-istandards ta’ governanza tajba li kellu jikkaratterizza proġett materjali u importanti għas-servizzi tas-saħħa nazzjonali daqskemm kien dan.